Saturday, December 21, 2024

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jirraporta r-riżultati finanzjarji għall-ewwel disa’ xhur tal-2024

Aqra wkoll

Ir-riżultati finanzjarji tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għall-ewwel disa’ xhur tas-sena ġew ippubblikati lbieraħ, wara li l-Bord tad-Diretturi approva r-riżultati finanzjarji tal-kumpanija.

Bejn Jannar u Settembru 2024, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ġġenera dħul ta’ €107.8 miljun u għamel profitt nett ta’ €39.5 miljun. Dawn ir-riżultati nkisbu f’kuntest ta’ traffiku tal-passiġġiera li baqa’ jissaħħaħ, tant li fl-istess perjodu, l-ajruport laqa’ 6,896,928 passiġġier.

In-nefqa kapitali għall-ewwel disa’ xhur tal-2024 kienet ta’ €39.7 miljun, hekk kif il-kumpanija kompliet ix-xogħlijiet fuq proġetti infrastrutturali, inkluż il-kostruzzjoni ta’ Apron 8 South, l-ewwel fażi tal-Proġett tat-Tkabbir tat-Terminal u l-iżvilupp tal-VIP Terminal.

Ir-Riżultati tat-Traffiku għax-Xahar ta’ Ottubru

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħabbar ukoll li t-traffiku tal-passiġġiera żdied bi 8.7 fil-mija matul ix-xahar ta’ Ottubru u dan meta wieħed jikkumpara mal-istess xahar tas-sena li għaddiet. Għall-ewwel darba għax-xahar ta’ Ottubru, il-moviment tal-passiġġiera qabeż il-mira ta’ 800,000 passiġġier, biex għaddew mill-ajurport 838,393 passiġġier.

L-Italja, ir-Renju Unit u l-Ġermanja ddominaw il-lista tal-aktar swieq turistiċi importanti għall-Malta, hekk kif flimkien dawn kienu responsabbli għal iżjed minn 50 fil-mija tal-moviment tal-passiġġiera f’Ottubru. Filwaqt li Franza u l-Polonja kienu r-raba’ u l-ħames l-aktar swieq importanti, it-traffiku mis-suq Pollakk irreġistra l-akbar tkabbir fuq is-sena li għaddiet, b’rata ta’ 49.8 fil-mija.

Reviżjoni tal-Estimi

Wara li evalwa r-riżultati b’saħħithom fl-ewwel disa’ xhur tas-sena, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kien kunfidenti biżżejjed biex jirrevedi l-estimi tiegħu għall-2024, liema estimi kienu ġew ippubblikati f’Mejju 2024, għal:

It-traffiku sal-aħħar tas-sena mistenni jlaħħaq it-8.96 miljun passiġġier

Id-dħul mistenni jkun ta’ €141 miljun

L-EBITDA mistennija tlaħħaq il-€85 miljun

Il-profitt nett mistenni jammonta għal €46 miljun

Il-CAPEX mistenni jkun dak ta’ €64 miljun

Ekonomija

Sport