Saturday, May 4, 2024

L-Ajruport jilqa’ l-wegħda li jitneħħew il-bqija tar-restrizzjonijiet tal-Covid

Aqra wkoll

Fl-istess waqt, nieda wkoll l-iskeda ta’ titjiriet għall-istaġun tas-sajf

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ dak li tħabbar ilbieraħ mill-Prim Ministru f’dak li għandu x’jaqsam mal-wegħda li jitneħħew il-bqija tar-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija. Fl-istess waqt l-Ajruport nieda wkoll l-iskea ta’ titjiriet tiegħu għall-istaġun tas-sajf. Din l-iskeda tinkludi 99 rotta f’34 pajjiż differenti, jiġifieri kważi 80% tal-konnettività li kienu jgawdu minnha l-Gżejjer Maltin fis-sajf tal-2019.

Nhar il-Ħadd li għadda, l-ajruport laqa’ titjira minn Shannon li, għall-ewwel darba, ser tkun qed tipprovdi konnessjoni diretta bejn Malta u l-kosta fuq in-naħa tal-Punent tal-Irlanda sa Ottubru. Din it-titjira ser tkun operata darbtejn f’ġimgħa minn Ryanair, flimkien mas-servizz offrut mill-istess linja tal-ajru tliet darbiet f’ġimgħa lejn il-kapitali tal-Irlanda – Dublin.

Ryanair ser tintroduċi wkoll servizz lejn Bordeaux; waħda mid-disa’ rotot li ser jgħaqqdu lil Malta u Franza għax-xhur tas-sajf. Franza ser ikollha t-tielet l-aktar ammont ta’ rotot matul is-sajf li ġej, wara l-Italja, li ser tkun tista’ tintlaħaq permezz ta’ 21 rotta, u r-Renju Unit, li ser ikollu 12-il rotta, fosthom dik ta’ Bristol li hija titjira ġdid għal-linja tal-ajru Jet2.

“It-tim tal-Iżvilupp tat-Traffiku tal-ajruport u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ħadmu bla heda sabiex jirkupraw kemm jista’ jkun possibbli l-konnettività li kellna qabel il-pandemija, u l-iskeda ta’ titjiriet tagħna għas-sajf hija xhieda tas-suċċess ta’ din il-ħidma. Il-konnessjonijiet li ksibna jawguraw tajjeb għax-xhur li ġejjin, u l-fiduċja tagħna li l-istaġun li ġej ser ikun ferm aħjar miż-żewġt isjuf ta’ qablu kompliet tiżdied hekk kif il-Prim Ministru wiegħed li l-gvern ser ikun qiegħed ineħħi r-restrizzjonijiet tal-COVID-19 li fadal. Huwa biss jekk inħallu lin-nies jerġgħu jibdew jivvjaġġaw b’mod ħieles lejn Malta, li nkunu nistgħu tassew nibdew nikkompetu ma’ destinazzjonijiet Mediterranji oħrajn,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-MIA Alan Borg.

Kienu ħafna l-linji tal-ajru li diġà taw lil Malta bħala destinazzjoni l-vot ta’ fiduċja tagħhom permezz tat-tnedija ta’ servizzi ġodda jew il-bidu mill-ġdid ta’ titjiriet li kienu ġew sospiżi mat-tifqigħa tal-COVID-19, u t-tneħħija tar-restrizzjonijiet għandha tagħti spinta tant mixtieqa lill-kunfidenza tal-konsumatur.

F’April, il-linja tal-ajru Transavia France hija mistennija tirritorna lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta bis-servizz tagħha lejn Orly f’Pariġi, wara li kienet waqqfet l-operat tagħha f’Marzu 2020 minħabba l-pandemija. F’April, ser naraw ukoll lil Air Baltic terġa’ tgħaqqad lill-Gżejjer Maltin mal-Latvja permezz ta’ titjira lejn il-kapitali Riga, u lil-linja nazzjonali Air Malta żżid servizz ta’ tliet darbiet f’ġimgħa lejn Madrid mal-iskeda tagħha. Il-linja tal-ajru Spanjola Vueling ser tintroduċi titjiriet lejn Bilbao, il-belt Spanjola sinonima mal-Bilbao BBK Live festival, li ser ikunu operati kull nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Sibt bejn ix-xhur ta’ Ġunju u Ottubru.

Sport