Friday, December 13, 2024

L-Ajruport ta’ Malta jilqa’ t-tneħħija ta’ aktar miżuri relatati mal-pandemija

Aqra wkoll

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ t-tneħħija ta’ aktar miżuri marbuta mal-pandemija tal-Covid-19 fosthom it-tneħħija tal-obbligu tal-ilbies tal-maskri fuq ġewwa u l-obbligu li timtela l-Passenger Locator Form (PLF). L-MIA ddeskriva dawn bħala passi pożittivi fid-direzzjoni t-tajba.

Fi stqarrija, l-Ajruport Malti nnota bidla importanti oħra li hija t-tneħħija tal-proċess tal-verifika tad-dokumentazzjoni tas-saħħa mal-wasla. Qal li issa li tneħħew il-kabini tal-verifika u l-partition screens li kien hemm fiż-żona ta’ fejn jaslu n-nies, individwi li jixtiequ jsellmu lill-familjari jew lill-maħbubin mal-wasla f’Malta, jistgħu jerġgħu jagħmlu dan ġewwa l-bini.

L-Ajuport qal li għadd limitat ta’ kabini ta’ verifika tad-dokumentazzjoni tas-saħħa jibqgħu fis-seħħ għall-iskop li jsiru kontrolli każwali.

Matul dawn l-aħħar sentejn, l-Ajruport Malti u l-partijiet interessati li jaħdmu f’dan il-kamp għamlu l-almu tagħhom biex jissalvagwardjaw il-benessri tal-klijenti tal-ajruport hekk kif l-industrija tal-avjazzjoni tiffaċċja l-Covid-19, f’konformità mal-linji gwida dwar is-saħħa u s-sigurtà maħruġa mill-awtoritajiet lokali kif ukoll mill-Aġenzija tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA). Dawn l-isforzi konġunti wasslu biex l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jsir wieħed mill-ewwel disa’ ajruporti ta’ ħames stilel akkreditati għas-saħħa u s-sigurtà fid-dinja fl-2021.

Filwaqt li l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta wiegħed li jkompli jżomm l-ogħla livelli ta’ ndafa u sigurtà fit-terminal kollu, qal li huwa kuntent li n-nies li jużaw l-ajruport qed jingħataw l-opportunità li jagħmlu għażliet personali dwar l-ilbies ta’ maskri ġewwa l-bini, partikolarment issa li x-xhur sħan tas-sajf jinsabu biss ġimgħat ‘il bogħod.

L-Ajruport Malti qal li issa jistenna bil-ħerqa li jara t-tneħħija tal-listi tal-pajjiżi li jinsabu fiż-żona ħamra jew ħamra skura. 

Ekonomija

Sport