Monday, December 23, 2024

L-akbar żball ta’ Putin… il-paċi ma tinkisibx b’kunflitti militari

Aqra wkoll

Fl-aħħar sigħat kompla l-kunflitt militari fl-Ukrajna bl-invażjoni mir-Russi u b’attakki mill-ajru. Hi invażjoni li mistennija toħloq taqlib ġdid fid-dinja u ċittadini huma fejn huma se jkunu affettwati. Dan għax dan il-kunflitt diġà affettwa b’mod qawwi l-prezzijiet ta’ għadd ta’ materja prima. Rajna kif il-prezz taż-żejt spara ‘l fuq għal madwar $100 l-barmil, li hu wieħed mill-ogħla prezzijiet fl-aħħar snin. Ma’ dan kien hemm żidiet fuq il-prezz tal-gass u anke l-faħam.  Minħabba li kemm l-Ukrajna u kemm ir-Russja huma fost l-akbar esportaturi tal-qamħ, il-prezz ta’ dan żdied ukoll u ovvjament dan mistenni li fil-futur qrib jaffettwa għadd ta’ prodotti oħra fosthom ikel u anke għalf għall-annimali. 

Mistennija żidiet ukoll mhux żgħar fil-prezz tal-ħadid u tal-azzar. Dan hu l-effett li se jkunu qed iħossu iċ-ċittadini, li jgħixu f’pajjiżi l-bogħod mill-kunflitt. 

Lil hinn minn dan wieħed ma jistax ma jirrimarkax fuq kif immedjatament bdiet l-invażjoni inħarġu għadd ta’ kundanni u bdew jissemmew is-sanzjonijiet.  M’hemm ebda dubju li dak li seħħ mir-Russja hu kundannabbli. Biss iridu ngħidu li kien hemm sitwazzjonijiet oħra fejn pajjiż daħal f’pajjiż ieħor imma ftit li xejn smajna kundanni. 

Qed nirreferu għal meta it-Turkija daħlet f’territorju Sirjan. Kien kunflitt li dwaru ftit li xejn smajna kundanni. Mhux biss, imma lanqas saru sanzjonijiet mat-Turkija.  Il-mistoqsija hi għaliex seħħ dan? Għaliex dak il-kunflitt ġie trattat b’mod differenti minn dak tal-invażjoni Russa? Forsi għax it-Turkija hi membru tan-NATO. Ma ninsewx ukoll, li fis-sena 1995, in-NATO, kienet ibbumbardjat dik li kienet il-Jugoslavja, u dan mingħajr ma kien hemm l-approvazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, xi ħaġa li imbagħad qajmet argumentazzjoni dwar kemm dak l-intervent kien leġittimu.

Nemmnu fermament li fi gwerra m’hemmx rebbieħa. Fi gwerra hemm telliefa biss. Fi gwerra se jibqa’ l-vittmi. Se jibqa’ feriti li jinġarru għal snin sħaħ. Fuq kollox esperjenza urietna li l-patti ta’ ftehim militari ma jwasslux għal paċi. L-istorja tgħallimna li xi ħin jew ieħor, il-kunflitt jerġa’ jisponta. Daqqa mod u daqqa ieħor.

Dak li qed naraw fl-Ukrajna għandu l-għeruq tiegħu fir-rivoluzzjoni Bolxevista, meta kien Vladimir Lenin li ħoloq l-Ukrajna. Imma apparti dan, hemm ukoll il-kwistjoni marbuta mal-għaqda tal-Ġermanja eżattament fis-sena 1990. 

X’kien ġara? Dakinhr, kellek pajjiżi bħar-Renju Unit, Franza, in-NATO u anke l-Istati Uniti li kien għamlu wegħda lil dak li kien il-President Gorbachev, li l-unifikazzjoni tal-Ġermanja – jiġifieri l-għaqda tal-Ġermanja tal-Punent u dik tal-Lvant, ma kinitx se twassal biex ikun hemm espansjoni lejn il-lvant tal-Ewropa minn naħa tan-NATO.

Il-pajjiżi tal-Punent u l-istess NATO dawn l-assigurazzjonijiet baqgħu ituhom minn żmien għal żmien, liema assigurazzjonijiet kienu jgħixu ċar u tond li ma kienx se jkun hemm in-NATO, qawwa avversarja fuq l-għatba tar-Russja, jiġifieri f’pajjiżi ġirien u mal-fruntiera tar-Russja. 

Dan iżda jidher li maż-żmien beda jiġi mwarrrab minn naħa tal-Punent u n-NATO bdiet tikkunsidra li l-Ukrajna tidħol fin-NATO. Fil-fatt f’summit li kien sar fi Brussels is-sena li għaddiet, il-mexxejja tan-NATO, kienu reġgħu rrijaffermaw id-deċiżjoni li kienet ittieħdet fis-sena 2008, li l-Ukrajna għandha ssir membru tal-Alleanza tan-NATO.

Tajjeb wieħed jirrimarka li minkejja l-pjani li kien hemm iċ-ċittadini fl-Ukrajna ma kinux favur li pajjiżhom jissieħeb fin-NATO.  Kollox inbidel b’deċiżjoni Russa – dik id-deċiżjoni li permezz tagħhom ir-Russja invadiet il-Krimea li kienet tal-Ukrajna u ħadet kontroll tagħha. Kien wara dan li l-appoġġ taċ-ċittadini biex l-Ukrajna tidħol fin-NATO żdied bil-kbir.

M’għandna l-ebda dubju li d-deċiżjoni ta’ Putin li jagħmel din l-invażjoni hi waħda mill-akbar żbalji ta’ żmienna. Hi deċiżjoni li bla dubju ta’ xejn se żżidu l-oppożizzjoni interna. Fuq kollox hi deċiżjoni li minħabba fiha se jkollu jiffaċċja sanzjonijiet b’ekonomija li ddominata mil-esportazzjoni tal-gass. Dawn huma sanzjonijiet li minnhom ibatu ċ-ċittadini Russi u li minħabba fihom aktar u aktar nies se jippuntaw is-swaba tagħhom lejn Putin, għax iċ-ċittadini Russi bl-ebda mod ma jaraw lill-Ukrajna bħala theddida.

Dan hu kunflitt li għal darba oħra jagħtina tagħlima. Tagħlima li jiddispjaċina ngħidu li d-dinja tibqa’ tinjora. Tagħlima li l-paċi ma tinkisbx b’interventi militari.

Ekonomija

Sport