Monday, May 13, 2024

L-akkużat deher jitbiegħed mix-xena tad-delitt b’imqass kbir li jintuża bħala għodda f’idu

… ikompli l-każ dwar il-qtil doppju fil-Marsa

Aqra wkoll

Raġel suspettat bil-qtil doppju fil-Marsa li seħħ fil-15 ta’ Ottubru li għadda, deher jitbiegħed mix-xena tad-delitt waqt li kien bla flokk u b’oġġett twil tal-metall f’idu. Huwa deher ukoll jgħolli jdejh u nstema’ jgħajjat il-kliem “Allahu akbar”.

Aktar dettalji dwar id-dinamika tal-każ ħarġu matul il-jum tal-Erbgħa hekk kif kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Iddrisu Faisal ta’ 34 sena mill-Ghana li jinsab mixli bil-qtil ta’ Joe Bartolo u Carmen Abela. Huwa jinsab mixli wkoll li pprova joqtol mara oħra u weġġa’ ħafif raġel ieħor li jiġi ħuha.

Fis-seduta tal-lum xehed l-Ispettur Wayne Camilleri li spjega kif iż-żewġ vittmi nstabu bla ħajja f’razzett li jinsab fi Triq it-Tiġrija, wiċċhom ‘il fuq mal-art. Qal li l-qraba tal-vittmi kienu kkonfermaw l-identità tagħhom, filwaqt li s-suspettat aggressur kien arrestat ftit tal-ħin wara, bil-pulizija kellhom ukoll jużaw it-taser gun għax baqa’ jirreżisti l-arrest.

Sadanittant, filmati meħuda minn camera li kienet imwaħħla fuq barra tar-razzett urew lill-imputat mingħajr flokk jimxi ‘l bogħod mill-post fejn seħħ id-delitt u f’idu kellu mqass kbir li jintuża bħala għodda (bolt cutter).

Persuna li kienet tgħix miegħu fl-istess razzett rnexxielu jwaqqfu u ħadlu dan l-oġġett minn idu eżatt kif waslu l-pulizija.
Il-każ, li qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, ikompli.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati Kaylie Bonett u Ramon Bonett Sladden mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Kurt Zahra u Wayne Camilleri.

L-Avukati tal-għajnuna legali Joe Brincat u Julia Micallef Stafrace qed jidhru għall-imputat.

L-Avukati Jason Azzopardi, Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru parte civile.

Sport