Thursday, April 18, 2024

L-akkużat kaxkar lill-vittma mal-art daqslikieku kienet xi pupa

Xhieda fil-Qorti

Aqra wkoll

Iktar kmieni llum kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni dwar il-qtil ta’ Bernice Cassar li seħħ fit-22 ta’ Novembru li għadda. Fost ix-xhieda kien hemm żewġ impjegati tal-MCAST u impjegat ta’ fabbrika li raw jew semgħu lil Roderick jispara lil martu.

Claude Galea, impjegat l-MCAST viċin il-post tad-delitt ta’ Bernice, fix-xhieda tiegħu qal li nhar it-22 ta’ Novembru li għadda, għall-ħabta tat-7:50 a.m., huwa ra raġel twil b’oġġett iswed f’idejh u beda jagħti bih lil Bernice. Ix-xhud kompla jgħid li hu kien jinsab fl-Istudent’s House tal-MCAST fejn sema’ lil Bernice tokrob u ra lil Roderick ikaxkar lill-vittma mal-art u jilgħab biha daqslikieku kienet xi pupa.

Galea qal li minnufih huwa ċempel 112 biex jinfurmahom b’din l-aggressjoni. Roderick sadanittant kien qed jagħti daqqiet ta’ ħarta lil Bernice biex tiġi f’sensiha. Ix-xhud qal li sema’ lill-vittma tokrob għall-għajjut.

Il-Qorti semgħet kif l-imputat beda “jkeċċi” l-karozzi filwaqt li beda jxejjer arma tan-nar; Galea sema’ t-tiri tal-isparatura u lemaħ lil Roderick jitlaq mill-post tal-aggressjoni.

Jeanette Cachia, xhud oħra li dakinhar tad-delitt kienet preżenti fit-tielet sular tal-MCAST ta’ Raħal il-Ġdid, qalet li appena daħlet fl-uffiċċju hija semgħet lil xi ħadd jgħajjat u tiri ta’ sparatura. Mit-tieqa tal-uffiċċju tagħha, ix-xhud rat mara bilqiegħda mal-art tibki u raġel li Cachia ratu jisparalha żewġ tiri u li konsegwenza t’hekk Bernice waqgħet mal-art.

Kenneth Mallia, persuna li dakinhar tal-qtil kienet ħierġa minn fabbrika f’Kordin. Fix-xhieda tiegħu qal li huwa ra raġel jikkarga l-arma u spara żewġ tiri; appena telaq mix-xena tad-delitt, Mallia sema’ tir ieħor.

L-Avukati Stefano Filletti u Marita Pace Dimech dehru għall-parte civile.

Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud.

Ekonomija

Sport