“L-aktar fattur li qed jispikka f’din il-leġislatura hu bla dubju l-aġir dispreġjattiv tas-Sindku, li qed jagħżel id-diviżjoni minflok il-koloborazzjoni.”
Hekk kiteb Alfred Grima f’ittra ta’ riżenja minn kunsillier fil-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li bgħat lill-Aġent Deputat Segretarju Eżekuttiv.
Grima jgħid li fil-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar reġa’ hemm attitiudni tribali mifnija b’politika partiġjana u dan wara sitt snin ta’ tmexxija.
Fl-ittra ta’ riżenja Grima allega li n-nuuqas ta’ trasparena, ksur ta’ regolamenti u miżinformazzjoni saru l-ordni tal-ġurnata.
Jirreferi wkoll għad-deċiżjoni meħuda mit-tmexxija tal-kunsill li żżomm milli jiġu diskussi żewġ riżoluzzjonijiet speċjali li kienu tressqu minn 5 kunsilliera. Grima jgħid li dan hu attentat ċar biex jingħalaq ħalq il-kunsillieri milli jeżerċitaw l-obligu tagħhom fl-aħjar interess tal-lokalità.
“Dawn ir-riżoluzzjonijiet kellhom jitressqu kaġun li l-kunsilliera ġew żgwidati meta ngħataw informazzjoni skorretta f’aktar minn okkażżjoni waħda. Dan wassal biex Għaqda non-Governattiv ġiet diskriminata u sofriet danni finanzjarji ntortament,” ikompli jikteb Alfred Grima fl-ittra ta’ riżenja.
Alfred Grima jikteb li kien ta’ privileġġ għalih li serva ta’ kunsillier u “iktar u aktar fil-kariga ta’ Sindku tal-akbar lokalità fil-pajjiiż.”
Isemmi l-kisbiet li saru f’diveri oqsma taħt it-tmexxija tiegħu fost l-oħrajn numru rekord ta’ proġetti infrastrutturali. “Li rkupranja eluf kbar ta’ ewro li tħallew ma nġabrux għal bosta snin b’dannu finanzjarju għall-kunsill. Bil-ksib t’art imdaqqsa biex fuqha jinbena Ċentru Ċivili u l-ftehim li ffirmanja b’valur ta’ 4.5 miljun ewro fondi għall-bini tiegħu,” isemm Grima fl-ittra ta’ riżenja.
L-eks Sindku temm l-ittra ta’ riżenja billi rringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-kunsill, lir-residenti u lill-familja tiegħu għas-sagrifiċċji kbar li għamlu.