Tuesday, May 14, 2024

L-aktar Gvern li investa u se jibqa’ jinvesti f’Għawdex

Aqra wkoll

“Dan l-iktar gvern li ta saħħa lil Għawdex u li investa u se jibqa’ jinvesti f’Għawdex. Kemm imxiet ’il quddiem din il-gżira mill-isbaħ f’dawn l-aħħar 11-il sena. Ix-Xewkija huwa simbolu ta’ din it-trasformazzjoni.” Sostna dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela meta kien qed jindirizza attività politika fix-Xewkija.

Dr Abela semma kif fix-Xewkija, fi żmien Gvern Nazzjonalista żona industrijali spiċċat abbandunata għaliex flok kien għen lill-ażjendi jaffrontaw l-isfidi, farrakhom bil-piżijiet u bl-ogħla kontijiet tad-dawl fl-istorja. Qal li dakinhar ir-rata ta’ qgħad fost l-Għawdxin kienet darba u nofs minn dik f’Malta. Taħt Gvern Laburista dik ir-realtà inbidlet.

Huwa semma kif taħt Gvern Laburista Għawdex kiber b’rata aqwa minn Malta kif ukoll it-tnaqqis fil-qgħad kien darbtejn aktar minn dak ta’ Malta. Qal li f’Għawdex dawk jaħdmu mal-privat irduppjaw, filwaqt li l-faqar f’Għawdex naqas ukoll u tenna li se jkomplu jnaqqsuh billi joħolqu l-opportunitajiet.

Il-Prim Ministru saħaq li Għawdex irid ikun mutur tal-bidla. Semma l-Gozo Innovation Hub fix-Xewkija li nfetaħ minn Gvern Laburista sabiex Għawdex ikollu l-aqwa karrieri. Qal li llum f’Għawdex, is-setturi tal-informatika, tal-gaming, tas-servizzi finanzjarji u tas-servizzi professjonali  għandhom valur miżjud aktar minn tliet darbiet ta’ dak li kellhom fi żmien Gvern Nazzjonalista.

“Il-miri ekonomiċi ksibnihom u se nkomplu niksbuhom. Imma issa hemm bżonn li l-identità Għawdxija tingħata ċ-ċentralità tagħha. Għandna opportunità kbira quddiemna, li Għawdex ikun il-mudell tal-iżvilupp ġdid kif qed infassluh għal pajjiżna,” saħaq Dr Abela.

Huwa semma uħud mill-proġetti li twettqu fosthom it-tieni fibre optic cable, is-servizz tal-fast ferry, l-impjant tal-ilma sabiex issa Għawdex huwa indipendenti fil-produzzjoni tal-ilma. Ħondoq ir-Rummien li ngħata l-ogħla livell ta’ protezzjoni ambjentali, miżbla fix-Xagħra nbidlet f’Park u l-introduzzjoni ta’ servizzi mediċi ġodda. Qal li fir-Rabat parking se jinbidel fl-akbar ġnien f’Għawdex. Semma wkoll it-twaqqif tal-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex li nediet strateġija għal Għawdex ġzira ta’ villaġġi.

“Fit-tmienja ta’ Ġunju għandkom għażla ċara. Ħaddieħor ħsiebu biex jaħtaf il-poter għall-interessi tiegħu, aħna ħsiebna biex inkomplu ntejjbu l-kwalità tal-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minnkom. Għal Għawdex aħna għandna pjanijiet kbar u għandna bżonn l-appoġġ tagħkom biex inwettquhom. Jien nemmen f’Għawdex u rrid nibqa’ nagħti s-saħħa lil Għawdex. Flimkien inkomplu mmexxu lil Għawdex ’il quddiem,” sostna l-Prim Ministru Robert Abela.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport