Thursday, May 29, 2025

L-aktar ħaġa importanti fiċ-ċess hija l-passjoni ġenwina għal-logħba – Jack Mizzi

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn iċ-ċess?

L-imħabba tiegħi lejn iċ-ċess bdiet meta kelli madwar għaxar snin, fl-2016. Ma kienx xi avveniment wieħed partikolari, iżda iktar skoperta gradwali tal-logħba. Bdejt nitgħallem il-movimenti u l-istrateġiji bażiċi, u malajr ħassejtni miġbud lejn il-fond u l-isfida intellettwali li joffri. Kien hemm xi ħaġa affaxxinanti fil-mod kif kull partita hija differenti u kif trid taħseb diversi passi ‘l quddiem. Għall- ewwel bdejt nikkompeti f’ kompetizzjonijiet għat- tfal u eventwalment bdejt nieħu sehem f’tal kbar. Li tistudja ċ-ċess huwa importanti biex titgħallem aktar teorija, iżda jekk ma tipprattikahx fil-kompetizzjonijiet ma tantx ikollok motivazzjoni.

X’suċċessi maġġuri oħra ksibt fil-karriera tiegħek sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?

Matul is-snin, kelli x-xorti nikseb diversi suċċessi li huma għal qalbi ħafna. Fost l-aktar importanti, nista’ nsemmi:

  • Ir-rebħ tat-titlu ta’ Malta Chess Champion fl-2024, li kien tragward sinjifikanti ħafna għalija, speċjalment peressli kont wieħed mill-iżgħar plejers li qatt rebħu dan it-titlu.
  • Il-kisba tat-titlu ta’ Candidate Master (CM) mogħti mill-FIDE fl-2023, meta kelli 16-il sena, li għamilni l-iżgħar Malti li kiseb dan it-titlu.
  • Irbaħt il-Kampjonat Malti tal-Juniors (U20) għal tliet snin konsekuttivi (2022, 2023, 2024).
  • Kont ukoll Malta Blitz Champion diversi drabi, inkluż fl-2023 fejn irnexxieli nirbaħ b’punteġġ perfett ta’ 9/9, li kien rekord Malti ġdid, u erġajt irbaħtu fl-2024. Kelli suċċess ukoll fil-Malta Rapid Championship.
  • Fost l-ewwel suċċessi tiegħi, meta kelli 13-il sena, kont l-iżgħar plejer li qatt rebaħ il-kompetizzjoni Preliminari tal-kampjonati ta’ Malta.
  • Irrappreżentajt lil Malta f’kompetizzjonijiet internazzjonali speċjalment f’tal juniors iżda kif ukoll tal-kbar. Dawn jinkludu il kampjonati tal-ewropa World Youth Chess Championships u l-Olimpjadi taċ-ċess fit 2022 (Chennai) kif ukoll fit 2024 (Budapest) . Barra minn hekk, matul l-aħħar xhur u s-sena li għaddiet, kelli l-opportunità li nikkompeti f’diversi tournaments importanti madwar l-Ewropa, li kienu esperjenzi ta’ valur kbir għall-iżvilupp tiegħi.
  • Apparti l-logħob ‘over-the-board’, nikkompeti regolarment f’turnaments online ta’ livell għoli ħafna, bħat-‘Titled Tuesday’, fejn nilgħab kontra wħud mill-aqwa plejers tad-dinja. Kelli s-sodisfazzjon li nikseb rebħiet prestiġjużi kontra Grandmasters magħrufa, fosthom plejers tal-kalibru ta’ Alexei Shirov, Rasmus Svane, u Azer Mirzoev. Dawn ir-rebħiet online huma ta’ inkoraġġiment kbir u jgħinuni nkejjel il-progress tiegħi.

Kif tqis il-livell taċ-ċess f’pajjiżna fil-preżent?

Nemmen li l-livell taċ-ċess f’Malta qed juri sinjali pożittivi, speċjalment fost iż-żgħażagħ. Qed naraw numru ta’ plejers promettenti li qed juru dedikazzjoni u talent. Hemm komunità attiva, u l-Malta Chess Federation taħdem biex torganizza turnamenti regolari li huma essenzjali għall-iżvilupp tal-plejers.

Madankollu, bħal f’ħafna oqsma, dejjem hemm spazju għal titjib. Forsi nistgħu nibbenefikaw minn aktar opportunitajiet ta’ taħriġ avvanzat u aktar espożizzjoni għal kompetizzjonijiet internazzjonali ta’ livell għoli għal firxa usa’ ta’ plejers. It-tkabbir tal-għarfien dwar iċ-ċess u l-benefiċċji tiegħu fil-livell nazzjonali jista’ jgħin ukoll biex jiġbed aktar nies lejn dan l-isport.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

F’termini ta’ riżorsi, il-Malta Chess Federation hija ċentrali fl-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet nazzjonali. Jeżistu xi klabbs u inizjattivi privati li jgħinu sabiex il-logħba taċ-ċess tkompli tikber ġewwa pajjiżna. Illum il-ġurnata, ir-riżorsi online – bħal pjattaformi tat-taħriġ, databases tal-logħob, u l-opportunità li tilgħab kontra plejers minn madwar id-dinja – saru għodda importanti ħafna għat-taħriġ individwali. Barra minn hekk, dawn il-pjattaformi online joffru wkoll opportunitajiet ta’ kompetizzjoni ta’ livell għoli, bħat-tournaments ‘Titled Tuesday’, li huma forma ta’ taħriġ u sfida kontinwa kontra plejers b’saħħithom ħafna.

Naturalment, aktar investiment f’faċilitajiet dedikati, coaching professjonali fuq livell nazzjonali, u appoġġ finanzjarju għall-plejers biex jikkompetu barra minn Malta jistgħu jkomplu jgħollu l-livell. L-organizzazzjoni ta’ aktar tournaments internazzjonali f’Malta stess tista’ tkun ta’ benefiċċju kbir ukoll.

Kemm hu importanti l-aspett mentali u psikoloġiku fiċ-ċess?

L-aspett mentali u psikoloġiku fiċ-ċess huwa assolutament fundamentali – nazzarda ngħid li huwa importanti daqs l-għarfien tekniku tal-logħba. Biex tilgħab fiċ-ċess f’livell tajjeb, teħtieġ konċentrazzjoni profonda għal sigħat sħaħ, reżiljenza biex tirkupra minn żbalji jew pożizzjonijiet diffiċli, u paċenzja biex ma tagħmilx mossi impulsivi.

Trid tkun kapaċi timmaniġġja l-pressjoni, speċjalment meta l-ħin fuq l-arloġġ qed jonqos jew meta tkun f’partita kruċjali. L-abbiltà li żżomm oġġettività, li tevalwa l-pożizzjoni b’mod realistiku, u li tibqa’ kalm taħt attakk huma kollha ħiliet mentali essenzjali. Xi kultant mhux kollox imur tajjeb u tispiċċa f’pożizzjoni mhux daqshekk tajba. Li tkun kapaċi ma taqtax qalbek u tkompli tiġġieled sal-aħħar hija importanti ħafna. Anke l-istamina mentali, biex iżżomm il-livell ta’ logħob tiegħek matul turnament sħiħ, hija kritika.

Kif tirribatti għal min ma jqisx iċ-ċess bħala sport?

Nifhem li għal xi wħud iċ-ċess ma jidhirx sport tradizzjonali minħabba n-nuqqas ta’ attività fiżika evidenti. Personalment iċ-cess narah bħala sport, sport mentali. Iċ-ċess huwa kompetittiv ħafna, jeħtieġ ħila, strateġija, preparazzjoni intensiva, u dedikazzjoni enormi. L-isforz mentali huwa estrem, u plejers taċ-ċess ta’ livell għoli jesperjenzaw stress u tensjoni komparabbli ma’ dawk f’ħafna sports oħra.

Barra minn hekk, il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali jirrikonoxxi ċ-ċess bħala sport. Il-preparazzjoni għal turnament importanti tinvolvi mhux biss studju teoretiku iżda wkoll preparazzjoni fiżika u mentali biex tkun tista’ tiflaħ għas-sigħat twal ta’ konċentrazzjoni. Il-kompetizzjoni hija fil-qalba tal-isport, u ċ-ċess huwa wieħed mill-aktar forom puri ta’ kompetizzjoni intellettwali.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fiċ-ċess?

Bħalissa ninsab f’fażi ffukata ħafna fuq iċ-ċess. Fil-fatt, għas-sena 2025, qed niddedika ruħi b’mod partikolari għaċ-ċess, nieħu vantaġġ minn sena sabbatika mill-istudji biex niffoka bis-sħiħ fuq it-taħriġ u l-kompetizzjoni internazzjonali, kemm ‘over-the-board’ kif ukoll online. Dan diġà ppermettili, u se jkompli jippermettili, li nipparteċipa f’aktar tournaments importanti barra minn Malta. Propju f’dawn l-aħħar xhur, kelli l-opportunità li nikkompeti f’ħafna tournaments madwar l-Ewropa, u l-isfidi kontinwi f’turnaments online b’saħħithom, u din l-esperjenza kollha hija kruċjali għall-iżvilupp tiegħi.

L-għan ewlieni tiegħi jibqa’ li nkompli ntejjeb il-logħob tiegħi b’mod sinifikanti, nikseb aktar esperjenza f’livell internazzjonali. Naturalment, li nkompli nirrappreżenta lil Malta bl-aħħar mod possibbli f’kompetizzjonijiet bħall-Olympiads u kampjonati Ewropej huwa dejjem priorità.

Fit-tul, nittama wkoll li nkun nista’ nikkontribwixxi għat-tkabbir taċ-ċess f’Malta, forsi billi naqsam l-esperjenza tiegħi ma’ plejers iżgħar. Iċ-ċess huwa passjoni kbira għalija, u nistenna li jibqa’ parti importanti minn ħajti.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fiċ-ċess.

Lil kull min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fiċ-ċess, ngħidlu li l-aktar ħaġa importanti hija l-passjoni ġenwina għal-logħba. Mingħajr imħabba għaċ-ċess, ikun impossibli li tiddedika l-ħin u l-isforz meħtieġa. Tistudja kemm tistudja, jekk ma tkunx qiegħed tieħu gost, m’intix ħa ittejjeb il-ħiliet tiegħek.

Importanti wkoll li tkun dixxiplinat, li taħdem iebes b’mod konsistenti, u li tkun dejjem lest li titgħallem – kemm mill-partiti tiegħek stess, speċjalment mit-telfiet, kif ukoll mill-plejers il-kbar. Ikollok bżonn ħafna paċenzja u perseveranza, għax it-triq għas-suċċess fiċ-ċess hija twila u mimlija sfidi.

Fittxu l-gwida ta’ kowċis jew plejers b’aktar esperjenza, ilgħabu kemm tistgħu f’kompetizzjonijiet, u fuq kollox, gawdu l-vjaġġ sabiħ li joffri dan l-isport intellettwali. B’dedikazzjoni u attitudni pożittiva, kollox huwa possibbli!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport