Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-CrossFit u l-Hyrox?
Wara għaxar snin nilgħab rugby, kelli bżonn bidla. Il-CrossFit huwa sport varjat ħafna fejn tkun qiegħed tagħmel ħafna eżerċizzji differenti kemm dawn li jeħtieġu saħħa u/jew nifs jew it-tnejn f’daqqa. L-ewwel hyrox li għamilt kienet tliet xhur biss wara li wellidt it-tieni tarbija tiegħi. Iddeċidejt li nidħol għall-hyrox biex niffoka biex fil-bidu naħdem fuq eżerċizzji li iktar jeħtieġu nifs ħalli nibni s-saħħa lura l-ewwel u mhux nibda b’movimenti li jirrikjedu iktar tattika. Ta’ nota huwa l-fatt li matul dan ix-xahar ħadt sehem fl-‘Island Games’. Jien inħobb ukoll il-kowċing u proprju fil-jiem li għaddew, bdejt l-‘XO Fitness’.
X’differenza hemm bejn il-CrossFit u l-Hyrox?
Il-CrossFit jirrikjedi li inti tkun taf u titħarreġ fuq ħafna iktar movimenti. Għall-hyrox trid tkun ‘endurance athlete’ aħjar, peró jekk taħdem fuq hyrox ħa jgħinek ħafna għall-CrossFit ukoll u viċi-versa.
Kif tqis il-livell tal Hyrox u l-CrossFit f’pajjiżna fil-preżent?
Naħseb li hawn ħafna atleti kapaċi fiż-żewġ dixxiplini.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrgu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Morna ħafna ‘l quddiem, imma xorta nemmen li għandu jkun hemm iktar spazji dedikati għall-kompetizzjonijiet.
Kif qiegħda tħares lejn il-futur tiegħek fil-CrossFit u l-Hyrox?
Sar parti minn ħajti, li naghmel taħriġ iżommni kemm fiżikament u anke mentalment b’saħħti. Nibqa’ nittrenja sakemm ikolli saħħa.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-Crossfit u l-Hyrox.
Huwa sport fejn barra li ssir b’saħħtek, jgħinek tiltaqa’ ma’ nies differenti. Ikun hawn diversi kompetizzjonijiet kemm lokalment kif ukoll barra minn xtutna fejn tkun tista’ tipparteċipa.