Sunday, December 22, 2024

L-aktar intervisti li ħallew impatt matul l-2021

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ix-xogħol tagħna huwa sabiħ ukoll għall-fatt li tiltaqa’ ma’ ħafna nies minn kull mixja tal-ħajja fejn titgħallem anke minnhom u mill-esperjenzi varji li jgħaddu minnhom. Din is-sena kelli l-opportunità li nintervista lir-Reverendu Marco Portelli li talab biex dawk li jsofru mis-solitudni, ifittxu l-għajnuna; ma’ Jeffrey Pullicino Orlando dwar il-pubblikazzjoni tal-ktieb tiegħu “With All Due Respect”; mal-Ministru Owen Bonnici li saħaq fl-importanza li nimxu għal verżjoni u ħajja aħjar wara l-Covid-19; mal-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti dwar il-poteri kbar u r-responsabbiltajiet akbar li għandhom fejn jidħlu l-kura, id-drittjiet u s-servizzi għat-tfal f’Malta; u mal-Viċi Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, Carlos Zarb li tana stampa aħjar dwar il-problema ta’ skart fiż-żoni ta’ Bugibba, il-Qawra u San Pawl stess.

L-aktar intervisti li kienu għal qalbi u għamlu impatt kienu dawk ma’ ħaddiem tat-tifi tan-nar li ssogra ħajtu għal diversi drabi fuq il-lant tax-xogħol – Christopher Aquilina; dik mal-eks impjegat tal-Union Press, kollega eċċellenti u ħabib personali – John Pisani; u oħra ma’ Sharlon Bonnici, eks soru tal-klawsura. 

 “Smajt splużjoni żgħira… Ħarist lura u rajt fjamma blu. Ħadt l-istess titjira u ġejt taħt il-fire station. Kont mixwi b’wiċċi ‘l fuq,” – Christopher Aquilina

Il-frażi “Kont mixwi b’wiċċi ‘l fuq” hija waħda li ma ninsa qatt. Daqskemm m’inix se ninsa d-dmugħ f’għajnejn Aquilina li fir-rakkont tiegħu reġa’ qabiżlu d-dmugħ meta ftakar fl-inċidenti li kellu fuq il-post tax-xogħol. Huwa stqarr li bintu ma taħmilx il-krozzi minħabbba dak li għadda minnu missierha li jqajjem kuxjenza kemm ix-xogħol tal-pumpieri huwa riskjuż. Huwa jgħid li t-tliet inċidenti koroh li kellu waslu għal tbatijiet anke għall-għeżież qraba tiegħu. 

“Operani, ħietni u kien lest. Imbagħad qalbi waqfet u mitt. Reġa’ fetaħni u bl-interventi tax-xokkijiet u l-messaġġi manwali b’qalbi f’idejh għal 30 minuta, salvani” – John Pisani

Fl-intervista intitolata “Niżżiltek bħala Lażżru għax litteralment qomt mill-mewt” tkellimna ma’ Pisani fejn irrakkonta kif mingħajr qatt ma ssuspetta, kellu problemi serji f’qalbu. Huwa kellu jagħmel operazzjoni urġenti li fiha l-affarijiet daru għall-ħażin ħafna tant li waqfitlu qalbu. Kien biss grazzi għall-intervent uniku mill-kirurgu Kevin Schembri, li żamm u mmessaġġjalu qalbu għal madwar 30 minuta, li Pisani “qam mill-mewt” u llum il-ġurnata għadu magħna.

“Ma xtaqtx li dan iseħħ u ġġielidt ħafna biex negħlibha. Tlabt jien u talbu ħafna għalija imma rajt li l-Mulej donnu jrid xi ħaġa oħra minni… ma kinitx deċiżjoni faċli” – Sharlon Bonnici, eks soru tal-Klawsura

“Il-bieraħ dħakna… illum se nibku” kien il-kliem tal-Madre Superjuri ta’ kunvent tal-klasura li fih Sharlon għexet għal 24 sena. Minħabba kundizzjoni tas-saħħa, din l-eks soru ħarġet mill-kanċell tal-kunvent biex tingħaqad mas-soċjetà tagħna bħala mara. Minkejja l-isfidi li qiegħda tiffaċċja f’dinja li nbidlet kompletament, din l-eks soru hija pożittiva ħafna għal futur b’saħħa aħjar. 

Ekonomija

Sport