Monday, May 20, 2024

“L-ebda theddid u l-ebda pressjoni mhi se twaqqafna milli nuru t-tbatija ta’ dawk vulnerabbli fostna”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-sena 2021 il-gazzetti tagħna L-ORIZZONT u IT-TORĊA u s-sit talk.mt ġabu għall-attenzjoni tagħkom għadd ta’ stejjer dwar kwistjonijiet u tbatijiet ta’ dawk vulnerabbli, ta’ dawk bla leħen. Tkellimna fuq il-pjaga tar-razziżmu inviżibbli. Mhux dak ir-razziżmu li narawh u faċli nidentifikaw imma dak li ma jidhirx u li tant indera li lanqas inqisuh razziżmu. Dan qed fostna u mifrux tista’ tgħid ma’ kullimkien. 

Tkellimna fuq il-baħrin li jaħdmu abbord bastimenti tas-sajd li lanqas jaqgħu taħt il-liġi Maltija. Tkellimna fuq il-barranin li għandhom pagi miżeri, tant li l-paga bilkemm isservihom. Tkellimna b’mod regolari dwar il-karbiet tal-immigranti. Karbiet li ġejjin minn dawk li qegħdin jgħixu fostna. Oħrajn li ġew fostna mill-Italja u karbiet ta’ oħrajn li jinsabu l-Libja, lesti biex ma’ l-ewwel opportunità jagħmlu il-vjaġġ.

Tkellimna ukoll kontra id-deportazzjonijiet ta’ immigranti, u dwar il-fatt li l-Libja ma tistax titqies bħala port sigur. 

Il-kwistjoni li hawn ħafna li jdeffsuha fin-nofs – dik ta’ immigranti ekonomiċi, tkellimna dwarha diversi drabi, fejn għedna b’mod ċar u tond li dan it-terminu m’għandu ebda bażi legali. It-traġedji tal-immigranti, li donnu hawn min irid inessihom jew ma jiħux gost li jiġu rrappurtati. Donnu hawn min irid li l-kwistjoni tal-immigranti u t-traġedji, kemm jista’ jkun ma jissemmewx. Aħna determinati aktar minn qatt qabel li nkomplu nesponu din it-traġedja umana ta’ żmienna. Tkellimna fuq il-problema li qed jiffaċċjaw għax jaħdmu u minħabba ċirkostanzi li qegħdin fihom se jispiċċaw bla pensjoni. Ma’ dawn hemm is-sitwazzjoni li dawn ma jistgħux jikkontestaw elezzjonijiet. Nemmnu li dawn huma materji li pajjiżna irid jitrattahom. M’għandux ikollna ċittadini tat-tieni klassi.

Ressaqna ukoll għadd ta’ każi soċjali fost dawn il-fatt li persuni b’diżabilità li qegħdin jaħdmu qed jitħallsu inqas minn sħabhom ħaddiema oħra għal xogħol tal-istess valur li qed jagħmlu. 

Tkellimna ukoll dwar pjaga li qed narawha ukoll tiżdied. Din hi dik tas-separazzjonijiet. Ġibna għall-attenzjoni tagħkom għadd ta’ esperjenzi xokkanti. Hawn ommijiet u anke missirijiet li għaddejjin minn infern sħiħ. Magħhom hemm ukoll it-tfal, li għaddejjin minn tbatija kbira.  Tbatija li magħha trid tgħodd il-flejjes kbar li jonfqu l-istess ġenituri fil-proċeduri li jkunu għaddejjin mill-qorti.

L-ibbuljar fuq il-post tax-xogħol u l-arroganza ukoll kienet tema li trattajniha b’enfasi. Jiddispjaċina ngħidu li hawn postijiet tax-xogħol anki aġenziji tal-gvern fejn l-ibbuljar u l-arroganza minn xi uffiċjali huma xi ħaġa kontinwa. Dan qed iwassal għal problemi u ansjetà kbira fost il-ħaddiema. Hemm stejjer li jħalluk ixxukjat tisma’ b’dak li seħħ.

Ma’ dawn esponejna ukoll l-istejjer ta’ dawk li jbatu l-faqar fis-skiet. Ta’ dawk li ma jmorru jħabbtu l-ebda bieb imma jibqgħu mistoħbijin f’darhom.

U fil-pandemija, bħala ġurnal tal-ħaddiema, ma stajniex ma nesponux il-ħidma ta’ ħaddiema varji li baqgħu għaddejjin u kienet għalhekk il-kampanja li wettaqna għal xhur sħaħ fejn xandarna ritratti kontinwi ta’ ħaddeima waqt ix-xogħol tagħhom fil-pandemija.

Lil hinn minn dan, mhux dejjem kienet faċli li xxandar u tesponi dawn ir-realtajiet. Konvinti aktar minn qatt qabel li nkomplu nesponu dawn ir-realtajiet f’pajjiżna. Intennu li l-ebda pressjoni, l-ebda theddid – ikun x’ikun, mhu se jwaqqafna milli nesponu dawn ir-realtajiet.  

Sport