Thursday, December 26, 2024

L-allokazzjoni tal-kapital għal innovazzjonijiet li jsawru l-futur

Aqra wkoll

‘Engineering a Smarter Industry’ kienet it-tema tal-Konferenza Ġenerali Annwali taċ-Chamber of Engineers. Esperti mill-akkademja u l-industrija indirizzaw l-isfidi li qed jiffaċċjaw l-inġiniera, kif ukoll l-opportunitajiet li jiksbu sabiex ifasslu soluzzjonijiet li jmexxu l-ekonomiji b’mod innovattiv fl-era diġitali.

Glen Mifsud, Portfolio Manager fil-BOV Asset Management, iddiskuta l-kunċett ta’ investiment f’innovazzjonijiet teknoloġiċi. Huwa spjega b’mod kritiku l-irwol li jservu l-portfolio managers lill-investituri, hekk kif dawn jiggwidawhom b’mod strateġiku biex jinvestu f’setturi li jingranaw qligħ prezzjuż.

Il-globalizzazzjoni tkompli tkun ta’ sifda għal ħafna pajjiżi biex ilaħħqu mal-pressjonijiet inflazzjonarji, hekk kif ekonomiji kbar għadhom ibatu minn żbilanċ fil-kwistjoni tal-provvista. “Iċ-Ċina tirrappreżenta 13% tal-esportazzjonijiet globali, iżda issa fatturi bħal kunflitti kummerċjali u l-COVID-19 qed jisforzaw lill-korporazzjonijiet biex jirriġeneraw il-manifattura lura f’pajjiżhom,” qal is-Sur Mifsud. “Din hi r-raġuni għaliex l-inflazzjoni qed tiżdied, għaliex l-prezz tal-prodotti bażiċi fis-supermarkets qed jiżdied, u għaliex il-manifatturi ma jistgħux jipproduċu karozzi. Il-provvista ta’ materjal għall-produzzjoni u prodotti konsumabbli mhux qiegħda tlaħħaq mad-domanda.”

Min iħaddem issa qed jgħid li huwa relattivament ta’ spiża għolja biex timpjega persuna, u din tmexxina għall-era tar-robotika u l-intelliġenza artifiċjali. “Is-setturi tal-AI u tar-robotika qed jsiru opportunità ta’ investiment. Il-kumpaniji qed ifittxu dawn biex isolvu kwistjonijiet ta’ effiċjenza, peress li dawn jaħdmu bla tmiem fuq xiftijiet u ma jinvolvux salarji u benefiċċji attraenti. L-awtomazzjoni qed tittrasforma l-istrateġiji tal-kosteffettività.”

Fi żminijiet meta l-gvernijiet għalqu dawk in-negozji li m’humiex essenzjali u ħeġġew ix-xogħol remot, is-soluzzjonijiet ibbażati fuq sistemi ta’ cloud urew li kienu l-aqwa soluzzjoni. “Minkejja t-tfixkil miġjub mill-COVID-19, il-kumpaniji saru japprezzaw aktar il-kontinwità tan-negozju. Il-migrazzjoni tal-operazzjonijiet għal soluzzjonijiet ibbażati fuq sistemi ta’ cloud diġà żdiedet drastikament matul l-aħħar 18-il xahar. Għal dir-raġuni, il-mexxejja tat-teknoloġija fin-negozju tal-Cloud kisbu sehem mis-suq permezz ta’ żieda fid-dħul.”
Ħafna mill-makkinarju qed jiġi pprogrammat bl-internet biex dawn jiksbu u jittrasmettu l-informazzjoni. Filwaqt li dan jipprovdi lill-korporazzjonijiet b’opportunitajiet kbar biex jiżviluppaw il-prodotti tagħhom, dan jintroduċi wkoll riskji taċ-ċiberkriminalità. “Iċ-ċibersigurtà mhix suġġett ġdid, iżda s-sofistikazzjoni tal-attakki ċibernetiċi qed iżżid id-domanda għal soluzzjonijiet ta’ sigurtà. L-iżvilupp ta’ kumpaniji taċ-ċibersigurtà se jkun kruċjali biex dawn jipproteġu din l-espansjoni vasta tas-sorsi tal-informazzjoni.”

Glen Mifsud ikkonkluda d-diskussjoni tiegħu billi ddikjara l-valur li jistgħu jiksbu l-investituri meta jfittxu viżjoni minn asset managers. “Kif darba qal Alan Kay, l-aħjar mod kif wieħed ibassar il-futur huwa billi tifformah, u bħala asset managers, aħna impenjati li nallokaw kapital għal innovazzjonijiet li huma mistennija li jsawru l-futur tagħna.”

Ekonomija

Sport