Għax-xhur li ġejjin se jibda jkun hemm ambulanza stazzjonata fl-Għadira u oħra f’Wied il-Għajn. Dan is-servizz se jkun qiegħed jgħin sabiex tiżdied aktar is-sigurtà f’dawn il-bajjiet, li huma tant popolari mal-Maltin u t-turisti fix-xhur sħan tas-sajf.
Talk.mt ħa l-kummenti tal-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo b’rabta mal-importanza ta’ dan is-servizz anke fid-dawl ta’ tliet inċidenti li seħħew il-Ħadd li għadda fuq il-bajjiet, b’wieħed minnhom ikun fatali.
“L-għan tagħna huwa li nkomplu nżidu s-sigurtà fuq il-bajjiet. Kien għalhekk li ħsibna biex minn din is-sena jibda jkollna ambulanza stazzjonata l-Għadira li tilħaq diversi bajjiet u siti tal-għadis fit-Tramuntana ta’ Malta, u oħra f’Wied il-Għajn sabiex il-bajjiet fin-naħa ta’ isfel ikunu koperti wkoll b’dan is-servizz,” qal il-Ministru Bartolo.
Huwa kompla jgħid li “rridu nkomplu nagħtu prodott turistiku aħjar u l-bajjiet huma parti minn dan il-prodott turistiku ta’ pajjiżna. Għalhekk irridu naraw li jkun hemm aktar sigurtà sabiex dawk kollha li jmorru fuq dawn il-bajjiet, kemm Maltin kif ukoll turisti, iħossuhom aktar siguri u allura jkollna serħan il-moħħ fil-prodott turistiku ta’ pajjiżna.”
Il-jum tal-Ħadd kien wieħed impenjattiv ferm għall-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili, tal-Forzi Armati u timijiet oħra mediċi li ntalbu jassistu fuq diversi inċidenti li seħħew f’bajjiet. L-ewwel inċident seħħ għall-ħabta tal-10.30 a.m. f’Għajn Tuffieħa wara li Franċiż ta’ 21 sena weġġa’ wara li baqa’ dieħel f’dgħajsa li kienet wieqfa.
Inċident ieħor seħħ ftit tal-ħin wara, meta anzjan ta’ 66 sena residenti Tas-Sliema sofra xi ġrieħi wara li żelaq waqt li kien miexi fuq il-blat fil-bajja tal-Qarraba, l-Imġarr. F’inċident separat, raġel Tork ta’ 40 sena sfortunatament tilef ħajtu wara li qabeż il-baħar f’Tas-Sliema u spiċċa fuq il-blat.