Friday, January 9, 2026

L-AMERIKAN IKRAH

Aqra wkoll

“The Ugly American” kien rumanz tas-snin 50 tas-seklu l-ieħor li għamel suċċess kbir. Juri kif ir-rappreżentanti Amerikani barra minn pajjiżhom – minkejja li pproklamaw il-ħelsien u d-demokrazija – kienu jitqiesu bħala nies brutali, li jiġbdu biss lejn xawwathom. L-awturi tal-ktieb, żewġ Amerikani li għexu barra fis-servizz ta’ pajjiżhom, kienu jafu sew il-problema. Huma u sħabhom fis-servizz spiċċaw mitqiesa bħala l-avangwardja ta’ imperjaliżmu li jaf biss kif jaħtaf.

Fid-deċennji ta’ wara, l-awtoritajiet Amerikani għamlu sforzi kbar biex itejbu d-dehra li r-rappreżentanti tagħhom kienu jagħtu. Mhux l-anqas fil-modi kif ipoġġu d-diskorsi u l-esiġenzi tagħhom. 

Fl-aħħar xhur madankollu, id-diskors u l-aġir tal-amministrazzjoni Trump qed ireġġa’ lura dil-bidla. Mar-referenzi għall-paċi, il-ġustizzja u l-libertà tal-kelma iddaħħlu esiġenzi fuq il-ġid ta’ pajjiżi oħra… il-minerali tal-Ukrajna, iż-żejt tal-Veneżwela, il-minerali rari tal-Kanada u Greenland… L-Istati Uniti reġgħu qed jagħtu d-dehra ta’ potenza kbira imperjali li trid taħtaf.

IL-LIĠI INTERNAZZJONALI

Għalkemm f’ħafna oqsma l-liġi internazzjonali għandha nuqqasijiet fil-mod kif tista’ tinftiehem jew tiġi applikata, hi ħaġa ċara li titlef kull valur jekk tispiċċa inkoerenti. Suppost li tapplika bl-istess mod għal kulħadd, il-pajjiżi l-kbar daqskemm iż-żgħar. Ċerti prinċipji tagħha ma jistgħux jitqiesu tal-lastku, skont għal min qed jiġu applikati. Veru li biż-żmien jidħlu prinċipji ġodda li jċaqalqu dawk antiki… bħal ma ġara sa ċertu punt bid-drittijiet tal-bniedem, rikonoxxuti bħala valur universali.

Biss donnu qed jinfirex qbil taċitu dwar kif id-drittijiet tal-pajjiżi l-kbar jieħdu preċedenza fuq taż-“żgħar”. Dan qed idaħħal inkoerenza fl-argumenti diplomatiċi li jitressqu, kif ukoll attitudni tal-Wild West, fejn se tgħaddi ta’ min jaf kif, u jinsab lest biex, jispara. 

MULTIPOLARI

Fi żmien il-Gwerra Bierda, il-konfronti brutali (għalkemm fortunatament qatt ma wasslu sal-gwerra) bejn il-“Punent” u l-“Lvant” kienu jpoġġu tensjonijiet kbar fuq dawk li ma ridux ikun la ma’ naħa u l-anqas mal-oħra. Dak iż-żmien niftakar li ħafna fost il-pajjiżi hekk imsejħa mhux-allinejati kienu joħolmu dwar żmien aħjar, meta d-dinja minflok tkun maqsuma bejn żewġ Superpotenzi (“poli”), tinbidel f’waħda fejn diversi reġjuni jkunu qawwija. Dinja multipolari kellu jkollha ħafna aktar bilanċi, ħafna anqas konfronti, aktar ġustizzja u stabbiltà għax fiha, l-ħeġemoniżmu jinqered.

Illum ninsabu resqin lejn dinja multipolari (jekk mhux diġà ninsabu fiha) għalkemm l-Istati Uniti għadhom qed jippretendu li huma s-Superpotenza. Biss niddubita kemm illum, is-sitwazzjoni hi aktar stabbli u anqas perikoluża minn fi żmien il-Gwerra Bierda, meta kien hemm xi forma ta’ “ktieb ta’ regoli” dwar kif jiġu trattati l-konflitti. Ma jidhirx li llum jeżisti wieħed.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport