Wara li l-gwerra bejn Iżrael u l-Ħamas diġa swiet il-ħajja ta’ eluf ta’ nies innoċenti fosthom nisa u tfal Palestinjani u distruzzjoni devastantti fil-Gaża, l-Istati Uniti għandha objettiv diplomatiku ġdid fil-Gwerra ta’ Gaża – dak li tikkonvinċi lill-Iżrael biex inaqqas l-operazzjonijiet militari tiegħu fil-ġimgħat li ġejjin.
Dan huwa test kruċjali għall l-amministrazzjoni Amerikana tal-President Joe Biden, u jekk tirnexxix jista ‘jgħin biex tiddetermina l-fażi li jmiss tal-gwerra kif ukoll il-fortuni politiċi tal-president Biden stess lura f’pajjiżu. Fil-pubbliku, l-isforz Amerikan biex isawwar u jrażżan il-gwerra ta’ Iżrael ħa l-forma ta’ pariri aktar milli pressjoni.
Uffiċjali għolja tal-gvern tal-Istati Uniti, mill-President Biden sas-Segretarju tal-Istat Antony Blinken u s-Segretarju tad-Difiża Lloyd Austin, kontinwament affermaw id-dritt ta’ Iżrael li jiddefendi lilu nnifsu, u ddikjaraw li operazzjoni militari Iżraeljana ma tieqafx sakemm tneħħi l-Ħamas mill-poter.
Hekk kif il-konflitt kompla, huma saru wkoll aktar ċari dwar il-ħtieġa li jiġu protetti n-nies ċivili u wissew li jekk ma jsir hekk iwassal għal telfa strateġika ta’ l-Iżrael.
Ħafna mill-pajjiżi tad-dinja qed jaraw din it-tattika bħala li tonqos milli ttaffi l-kampanja ta’ bumbardamenti bla waqfien mill-Iżrael li qed iwasslu għal l-aktar fatalitajiet u distruzzjoni f’dan is-seklu.
Fil-politika Amerikana, dak in-nhar li nbdiet il-gwerra fil-Lvant Nofsani, nawwret lill-Partit Demokratiku ta’ Joe Biden, u naffret l-appoġġ kruċjali fost iż-żgħażagħ u ħalliet lill-Istati Uniti tidher iżolata fix-xena dinjija. Madankollu s’issa, l-istrateġija tal-President Biden kisbet riżultati tanġibbli anki jekk limitati.
Diplomazija persistenti u stretta wasslet biex tippermetti għajnuna umanitarja f’Gaża fil-bidu tal-gwerra, u għenet biex jieqaf il-ġlied għal sebat ijiem biex tinkoraġġixxi l-ħelsien ta’ ostaġġi u l-għoti ta’ aktar għajnuna lil nies ċivili ddisprati.
Kull waħda mit-tliet żjarat tas-Segretarju tal-Istat Anthony Blinken fir-reġjun kienet turija ta’ ħerqa li jenfasizza l-isforzi kontinwi Amerikani biex jinħelsu l-ostaġġi miżmuma mill-Ħamas, tiżdied l-għajnuna umanitarja u jiġi assigurat li l-kunflitt ma jespandix għar-reġjun tal-Lvant Nofsani kollu.
Aktar kmieni din il-ġimgħa sar magħruf li n-numru ta’ mwiet f’Gaża qabeż l-20,000, skont il-ministeru tas-saħħa ta’ Gaża mmexxi mill-Ħamas. Fir-rejd tal-Ħamas fin-Nofsinhar ta’ Iżrael fis-7 ta’ Ottubru li għadda nqatlu madwar 1,200 persuna, l-aktar ċivili, u madwar 240 ittieħdu bħala ostaġġi.
Allura Jannar 2024 se jkun test kruċjali dwar jekk u kemm l-amministrazzjoni Ameriikana tista’ tikkonvinċi lill-Iżrael biex ibiddel id-dinamika tal-gwerra. Dan waqt li qed timbotta wkoll lill-Iżraeljani biex ma jintensifikawx l-operazzjonijiet militari f’Gaża u jagħmlu tranżizzjoni għal tattiċi aktar immirati li jħallu inqas vittmi ċivili.
Kemm se l-amministrazzjoni Amerikana se jirnexxielha tagħmel dan wieħed għad irid jara.