Wednesday, May 15, 2024

Ħidma sabiex pajjiżna jkollu l-ewwel Strateġija Nazzjonali kontra t-traffikar tal-bnedmin 

Aqra wkoll

Id-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea u esperti mill-Kunsill tal-Ewropa, qed iħejji sabiex Malta jkollha l-ewwel Strateġija Nazzjonali kontra t-traffikar tal-bnedmin. 

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri ddikjara dan fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari li saritlu mid-Deputata Nazzjonalista Graziella Attard Previ. 

Il-Ministru Camilleri spjega kif il-ħidma tad-Direttorat hija bbażata fuq l-Istrateġiji u l-Pjanijiet ta’ Azzjoni li ġew imfassla u mnedija matul is-snin. Dawn huma:

1. Strateġija u Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ugwaljanza u l-Integrazzjoni (Mainstreaming) tal-ġeneru 2022 – 2027;

2. Strateġija u Pjan ta’ Azzjoni għall-Ugwaljanza LGBTIQ+ 2023 – 2027;

3. Strateġija u Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni tal-Migranti 2017-2020. Bħalissa d-Direttorat qiegħed jipprepara għat-tieni strateġija f’dan il-qasam: il-konsultazzjoni pubblika ġiet varata f’Mejju ta’ din is-sena.

4. Strateġija Nazzjonali kontra r-Razziżmu 2021 – 2023. Id-Direttorat beda l-preparamenti għat-tieni strateġija f’dan il-qasam b’konsultazzjoni ma’ msieħba varji.

Il-Ministru Camilleri spjega wkoll kif id-Direttorat kontinwament jipprovdi sessjonijiet ta’ taħriġ dwar id-drittijiet tal-bniedem lill-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku u lil diversi entitajiet governattivi. 

Minn tagħrif ieħor mogħti minn Dr Camilleri irriżulta wkoll li bejn l-2018 u l-2022 kien hemm 25 vittma ta’ traffikar uman – 24 mara u raġel. Minn dawn erbgħa kienu Maltin u l-bqija kienu ta’ nazzjonalità barranija.

Fis-sena 2018 kien hemm 16-il vittma: Nepaliż, 14 Filippini u mara Maltija. Fl-2019 ma kienx hemm rapporti ta’ vittmi ta’ traffikar uman, l-istess bħas-sena 2021.

Matul is-sena 2020, kien hemm erba’ vittmi nisa – 3 Maltin u Filippina, filwaqt li s-sena li għaddiet kien hemm ħames vittmi nisa – 2 Kolumbjani u tlieta oħra mill-Veneżwela.

Din l-informazzjoni tinkludi wkoll vittmi li nstabu li kienu qed jiġu  mħaddma minn ‘pimp’ li qed jipprostitwixxihom u għaldaqstant kienu kkunsidrati bħala traffikar uman.

Min-naħa l-oħra, bejn l-2013 u l-2022 tressqu l-Qorti 39 persuna akkużati bi traffikar ta’ persuni. Fl-2018 tressqu l-akbar ammont ta’ persuni (10) akkużati b’dan it-tip ta’ reat, filwaqt li fl-2019 u fl-2021 ma tressqet l-ebda persuna b’rabta ma’ traffikar uman. 

Sport