It-82 anniversarju ta’ It-Torċa huwa mument ta’ kburija – Jason Deguara, President tal-GWU

It-82 anniversarju ta’ ItTorċa huwa mument ta’ kburija iżda wkoll sejħa għal impenn ġdid. Huwa żmien li
fih nonoraw il-wirt ta’ dawk li sawru l-istorja tagħha u fl-istess waqt inħarsu ’l quddiem b’kuraġġ lejn l-isfidi u
l-opportunitajiet li għandna quddiemna. Mit-twaqqif tagħha fl-1944 sal-lum, It-Torċa baqgħet vuċi importanti tal-ħaddiema u spazju għall-promozzjoni tal-ġustizzja soċjali.
L-amministrazzjoni l-ġdida għandha mandat ċar: li ssaħħaħ l-għaqda, iġġedded l-enerġija tal-organizzazzjoni u tittrasforma l-impenn f’azzjoni konkreta. F’dan il-proċess, Kevin Camilleri, bħala Segretarju Ġenerali, u Kevin Abela, bħala Assistent Segretarju Ġenerali, għandhom rwol kruċjali fit-tmexxija tal-ħidma tal-GWU u fit-twettiq tal-prijoritajiet tagħha.
Permezz ta’ ħidma magħquda, djalogu kontinwu u preżenza aktar b’saħħitha fuq il-postijiet tax-xogħol nistgħu nsaħħu l-organizzazzjoni u nkunu aktar qrib il-membri tagħna. Bħala President, l-impenn tiegħi huwa li naħdmu bħala tim wieħed b’vuċi waħda u b’azzjoni determinata.
Il-prijoritajiet tagħna huma ċari: pagi diċenti, kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, aktar sigurtà, protezzjoni soċjali u kwalità ta’ ħajja aħjar għall-ħaddiema u l-familji tagħhom. Il-futur jitlob GWU aktar b’saħħitha, innovattiva u
kuraġġuża.
Tnejn u tmenin sena ta’ storja huma l-pedament tagħna; l-għaqda u l-azzjoni tagħna se jibnu l-futur, inkluż ta’ it-Torċa.
IT-TORĊA: IS-SINSLA TA’ LEĦEN KURAĠĠUŻ GĦALL-ĦADDIEMA U L-MALTIN– Kevin Camilleri, Segretarju Ġenerali tal-GWU

Ninsabu f’punt fejn l-istorja tħares lejn il-futur b’kburija kbira. Bħala Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, meta nħares
lejn il-vjaġġ straordinarju tal-gazzetta tagħna, gazzetta li sawwret il-kuxjenza nazzjonali u ħadet f’idejha d-difiża tal-bniedem f’kull pass
nifhem kemm hu importanti li dan l-artiklu ma jkunx biss tifkira ta’ dak li għadda, iżda manifesto ħaj ta’ dak li aħna u rridu nibqgħu nkunu.
Bl-ispirazzjoni ta’ tradizzjoni twila u b’viżjoni li tħares lejn il-quddiem, b’mod speċjali bl-impuls u l-kontribut kontinwu ta’ personalitajiet fosthom l-Edituri passata u dawk prezenti li fl-analiżi u l-ħsieb editorjali tagħhom, nistgħu ngħidu li It-Torċa tibqa’ l-qofol ta’ dak kollu li hu veru fil-ġurnaliżmu Malti.
82 Sena ta’ Storja, Kapitlu Ġdid għall-Futur – Kevin Abela, Deputat Segretarju Ġenerali

It-82 anniversarju mit-twaqqif ta’ It-Torċa huwa opportunità biex mhux biss inħarsu lura lejn l-istorja ta’ din il-gazzetta, iżda wkoll nirriflettu fuq il-mixja tal-General Workers’ Union u r-rwol tagħha fis-soċjetà Maltija. Sa mit-twaqqif tagħha fl-1944, It-Torċa kienet vuċi importanti għall-ħaddiema u għall-familji tagħhom, filwaqt li tul is-snin tat sehemha fid-dibattitu nazzjonali dwar kwistjonijiet soċjali, ekonomiċi u politiċi.
Dan l-anniversarju jikkoinċidi wkoll ma’ kapitlu ġdid għall-GWU, hekk kif l-amministrazzjoni ġdida qed tassumi r-responsabbiltà
li tmexxi ’l quddiem organizzazzjoni bi storja sinjura u b’responsabbiltajiet kbar. Il-viżjoni tagħna hija msejsa fuq tliet pilastri: Sostenibbiltà, Preżenza u Għarfien. Tliet prinċipji li flimkien għandhom jiggwidaw il-ħidma tagħna sabiex l-Union tibqa’ b’saħħitha, qrib il-ħaddiema u preparata għall-isfidi ta’ dinja tax-xogħol li kontinwament qed tinbidel.
F’din l-okkażjoni ma nistax ma nsellimx lil dawk kollha li ġew qabilna, kemm fit-tmexxija tal-Union kif ukoll fil-ħidma ġurnalistika ta’ It-Torċa. Il-kontribut u s-sagrifiċċji tagħhom ħallewlna wirt li għandna d-dmir li nħarsu u nkomplu niżviluppaw. Insellem ukoll lill-ħbieb tiegħi Kevin Camilleri u Jason Deguara, li flimkien qed inħarsu l- quddiem għal aktar ħidma kollettiva, mibnija fuq ir-rispett u determinazzjoni komuni favur il-ħaddiema.
L-istorja tagħtina l-pedamenti, iżda l-futur jitlob minna tiġdid u deċiżjonijiet responsabbli. Hekk kif It-Torċa tagħlaq 82 sena, l-impenn
tagħna għandu jibqa’ wieħed ċar: li nkomplu nibnu fuq dak li writna, filwaqt li nħejju lill-Union u lill-istituzzjonijiet tagħha għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
