Malta terġa’ tissieħeb f’WorldSkills Europe u tniedi l-Malta Skills Championships 2026

Aqra wkoll

Malta reġgħet issieħbet formalment ma’ WorldSkills Europe, bl-għan li tkompli ssaħħaħ il-promozzjoni tal-eċċellenza fil-ħiliet vokazzjonali u tipprovdi opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ Maltin biex jiżviluppaw u juru l-ħiliet tagħhom fuq livell nazzjonali u Ewropew. 

Dan tħabbar waqt it-tnedija tal-Malta Skills Championships 2026, inizjattiva mmexxija mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet (NSC), li se tlaqqa’ studenti żgħażagħ taħt il-25 sena f’kompetizzjonijiet mifruxa fuq 24 dixxiplina vokazzjonali. Il-kompetizzjonijiet se jsiru fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) fil-11 u t-12 ta’ Novembru u fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) fis-17 ta’ Novembru.

Il-parteċipazzjoni ta’ Malta f’WorldSkills Europe ġiet formalment irratifikata waqt l-Assemblea Ġenerali tal-organizzazzjoni f’Helsinki, f’Ġunju li għadda. Malta hija l-35 membru minn 36 pajjiż membru Ewropew u se tkun irrappreżentata uffiċjalment mill-Kunsill Nazzjonali ghall-Ħiliet. Is-Segretarju Permanenti għall-Edukazzjoni u l-Isport, is-Sur Matthew Vella, qal li l-iżvilupp tal-ħiliet jibqa’ element importanti biex l-edukazzjoni tħejji liż-żgħażagħ għall-ħtiġijiet tad-dinja tax-xogħol li qed tevolvi kontinwament. Huwa sostna li l-ħiliet għandhom ikomplu jingħataw post ċentrali fil-viżjoni edukattiva u ekonomika ta’ pajjiżna, u enfasizza dwar l-importanza li jkomplu jissaħħu l-opportunitajiet vokazzjonali u r-rabta bejn it-tagħlim u l-prattika. “L-investiment fil-ħiliet huwa investiment fil-futur ta’ pajjiżna. Qed inkomplu naħdmu fuq sistema edukattiva li tħejji liż-żgħażagħ tagħna għal dinja tax-xogħol li qed tinbidel kontinwament, u li tagħtihom il-kapaċità jadattaw u anke jsawru l-futur permezz tal-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika”. 

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet, Dr Jeffrey Pullicino Orlando, qal li s-sħubija ta’ Malta f’WorldSkills Europe ser tippermetti lil Malta tkompli ssaħħaħ il-preżenza tagħha f’netwerk Ewropew iddedikat għall-eċċellenza fil-ħiliet vokazzjonali. Din il-pjattaforma Ewropea ser tagħti aktar viżibbiltà u rikonoxximent lill-ħiliet Maltin fil-qasam vokazzjonali, filwaqt li toffri wkoll opportunitajiet għall-iskambju tal-għarfien u għall-iżvilupp tal-ħiliet fuq livell internazzjonali, kemm għall-istudenti kif ukoll għall-għalliema. “Din is-sħubija ser tagħtina l-opportunità li naqsmu l-għarfien u l-prattiki tajba ma’ pajjiżi oħra, inqabblu l-istandards tal-ħiliet u nkomplu niżviluppaw il-kollaborazzjoni bejn l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-industrija. Il-Malta Skills Championships huma pass konkret f’dan il-proċess, billi joħolqu pjattaforma nazzjonali fejn il-ħiliet jiġu murija u rikonoxxuti, filwaqt li jiftħu t-triq għall-parteċipazzjoni ta’ Malta f’EuroSkills Düsseldorf 2027”.

Il-Malta Skills Championships se jservu bħala l-punt tat-tluq għall-għażla tal-erba’ kompetituri li se jirrappreżentaw lil Malta f’EuroSkills 2027 fil-Ġermanja, fl-oqsma tal-Web Development, Graphic Design, Cooking u Hotel Reception. Dawk magħżula se jingħataw taħriġ u preparazzjoni bl-appoġġ ta’ edukaturi u esperti mill-industrija qabel il-kompetizzjoni Ewropea.   

Dr. Pullicino Orlando kompla jispjega kif il-Malta Skills Championships huma wkoll parti minn ħidma usa’ biex jinbidlu l-perċezzjonijiet dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. “Il-ħiliet vokazzjonali llum mhumiex limitati għall-professjonijiet tradizzjonali. Irridu nagħtu liż-żgħażagħ, lill-ġenituri u lill-pubbliku stampa aktar realistika u aġġornata tal-opportunitajiet li jistgħu jwasslu għalihom il-perkorsi vokazzjonali.” 

Din l-inizjattiva qed issir b’kollaborazzjoni mal-MCAST u l-ITS, kif ukoll tad-Direttorat għas-STEM u l-VET Programmes, il-Kamra tal-Kummerċ u l-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji.  

Matul il-Malta Skills Championships, il-kampus tal-MCAST u l-ITS ser ikunu miftuħa għall-iskejjel, il-ġenituri, l-industrija u l-pubbliku. Il-viżitaturi se jkollhom l-opportunità jsegwu l-kompetizzjonijiet, jaraw proġetti u teknoloġiji relatati mal-ħiliet vokazzjonali, iżuru l-faċilitajiet u jsiru jafu aktar dwar il-perkorsi vokazzjonali.

Għal aktar informazjoni dwar il-Malta Skills Championships, wieħed jista’ jżur is-sit https://worldskillsmalta.mt/malta-skills-championships/malta-skills-championships-2026

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport