Il-ħaddiema ġenituri u l-ħaddiema kollha se jerġgħu jgawdu mit-tax cut, bil-ħaddiema ġenituri se jkunu qed igawdu minn aktar tnaqqis fit-taxxa filwaqt li l-pensjonanti kollha se jgawdu minn żieda ta’ €10 ġimgħa, jiġifieri €520 fis-sena. Dan ħabbru l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’attività politika bit-tema ‘Malta Għalik’ fit-Teatru Orpheum fil-Gżira. It-tax cut għall-ħaddiema ġenituri se tkompli tissaħħaħ fejn ħa jirdoppja l-benefiċċju tat-tnaqqis fit-taxxa.
F’diskors li għamel lejlet li Gvern Laburista se jippreżenta Budget ieħor, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar Budget li se joffri stabbiltà fejn il-pajjiż ikun mal-familji. Qal li l-Gvern se jibqa’ jħaddan politika ekonomika progressiva fejn jagħti spalla għalik. Sostna li dan b’differenza għal dak li qed jiġri barra fejn Gvernijiet f’pajjiżi oħra, mhux għax jemmnu fl-awsterità, xorta huma kostretti jitfgħu l-piżijiet fuq il-familji u n-negozji minħabba li l-qagħda fiskali ta’ pajjiżhom ma tippermettilhomx. Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista meta kien fil-Gvern kien jemmen fl-awsterità u fi sfidi ferm iżgħar minn tal-lum għabba lin-nies bil-piżijiet.
Il-Prim Ministru Robert Abela nnota wkoll kif l-Oppożizzjoni llum reġgħet dawret id-diska mill-kampanja elettorali tal-elezzjoni ġenerali ta’ ftit xhur ilu. Illum reġgħet qed titkellem kontra s-sussidji fl-enerġija u l-fjuwil li Gvern Laburista qed ikompli jassigura li jagħtihom għal sena oħra fil-Budget 2027. “Għada se taraw is-saħħa ta’ Malta miegħek. Malta għalik. Dan il-Budget se nagħmluh bl-akbar responsabbiltà u konvinżjoni”, saħaq il-Mexxej Laburista. Dr Abela żied jgħid li meta l-familji u n-negozji jaffrontaw sfida, magħhom iridu jsibu l-Gvern. Qal li magħhom iridu jsibu lil Malta. Sostna li għalhekk dan huwa l-ħsieb tal-Budget ta’ għada.
Dr Abela sostna li fis-seba’ Budget tiegħu bħala Prim Ministru se jibqa’ jkun tarka soda daqs l-azzar għall-familji. Irrimarka li l-qagħda fiskali se tibqa’ waħda b’saħħitha għax għandna Gvern li jmexxi bl-għaqal. Dan hekk kif id-defiċit se jibqa’ taħt it-3% u d-dejn imqabbel mal-ekonomija taħt il-50%.
Il-Prim Ministru sostna li s-sena d-dieħla se jkollna investiment soċjali rekord u żieda qawwija fl-allokazzjoni totali għax l-ekonomija Maltija se tibqa’ l-aqwa fl-Ewropa u se tkompli trendi dħul rekord. B’diskors b’saħħtu u ta’ viżjoni, il-Prim Ministru Robert Abela rrefera għall-investiment b’saħħtu u aċċellerat li se jkompli fis-sistema tal-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku, l-investiment bis-saħħa fl-Intelliġenza Artifiċjali, investiment fl-aqwa faċilitajiet tas-saħħa u żieda fl-ispazji ħodor. Qal li bil-Budget t’għada se nkomplu t-triq biex inwettqu l-Viżjoni Malta 2050.
“Għada se tkunu kburin li intom Għawdxin u Maltin. Se jkollkom il-konferma li t-triq li bdejna se nkomplu nimxuha b’determinazzjoni. Mhux biss nilqgħu għall-isfidi tal-lum, imma biex inkomplu nilħqu l-aspirazzjonijiet ta’ għada u naqilbu l-isfidi f’opportunitajiet. Malta pajjiż ta’ suċċess, issa u fiż-żmien li ġej. Għalhekk Malta miegħek. Malta għalik”, temm jgħid il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela.
Qabel il-Prim Ministru tkellem id-Deputat Prim Ministru u d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament Ian Borg. Huwa saħaq li lejlet Budget ieħor, il-poplu qed jiddiskuti x’ġid aktar se jqassam il-Gvern flok x’se jeħdilhom. Dan anki fi sfond ta’ sfidi internazzjonali li qed ngħixu madwarna. Dr Ian Borg qal li ħaddieħor, quddiem sfidi ferm iżgħar, kien jgħid li “milli għedna ma hemm xejn” u ma kinux jonoraw il-wegħdiet elettorali tagħhom fuq medda ta’ leġiżlatura sħiħa.
