Saturday, December 21, 2024

“L-amministrazzjoni tal-Armata qed tilgħab bin-numri biex is-suldati ma jibbenefikawx mill-ftehim miftiehem”

Aqra wkoll

It-Taqsima tal-Forzi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u tal-Inforzar tal-Liġi fi ħdan il-GWU qalet li fis-sigħat li għaddew intbagħat komunikat fl-armata fir-rigward tal-allowance li l-Unjin, il-Gvern u l-Armata qablu li tingħata lis-suldati għas-sigħat żejda maħduma u dan sakemm Malta tkun għadha dikjarata li tinsab f’emerġenza għas-saħħa pubblika. 

Spjegat li dan il-komunikat se jkun ifisser li l-amministrazzjoni tal-Armata qed tilgħab bin-numri biex is-suldati ma jibbenefikawx mill-ftehim milħuq. Għaldaqstant, qalet li dan ifisser li l-amministrazzjoni mhix qiegħda tonora dak li l-partijiet qablu li jingħata lis-suldati b’ġest ta’ apprezzament għall-ħidma tagħhom tul il-perjodu tal-COVID-19.

Ġie spjegat li l-allowance tal-Ħdud / Festi Pubbliċi u l-allowance għas-sigħat żejda maħduma huma żewġ rati distinti minn xulxin. Filwaqt li l-ewwel waħda hi kumpens talli ħaddiem ikun daħal xogħol fil-Ħdud / Festi Pubbliċi, it-tieni wieħed hu kumpens għas-sigħat żejda maħduma li jmorru lil hin mill-ħin normali tax-xogħol. It-Taqsima spjegat li dak li qiegħda tagħmel l-amministrazzjoni b’dan il-komunikat tal-bieraħ hu li ftit jew kważi ħadd mhu se jibbenefika mill-ftehim milħuq, meta l-ispirtu tal-ftehim kien totalment differenti.

Għaldaqstant, it-Taqsima talbet pubblikament lill-Ministru Byron Camilleri biex jidħol fil-kwistjoni u ma jippermettix aktar li s-suldati jiġu trattati b’dan il-mod mill-amministrazzjoni. Qalet li hi konxja kemm għandu rispett lejn il-ħaddiema li huma taħt ir-responsabbiltà tiegħu u taf ukoll li qed iħares ‘il quddiem biex jikkonkludu l-ftehim kollettiv tal-Korpi Dixxiplinati kollha.

Għalhekk it-Taqsima spjegat lill-Ministru li l-moral tas-suldati se jiddependi mill-intervent tiegħu f’din il-kwistjoni. Ħeġġitu biex jieħu deċiżjoni favur dak li hu s-sewwa, jiġifieri favur ir-rispett lejn is-suldati tagħna u l-familji tagħhom.

Ekonomija

Sport