Friday, May 3, 2024

L-annimali domestiċi kollha għandhom ikunu taħt kontroll assolut meta fil-pubbliku

Reġistru ġdid għal min jinstab ħati b’reati kontra l-att ta’ trattament xieraq

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“M’aħna se nittolleraw l-ebda forma ta’ abbuż. B’dawn l-emendi għall-Att dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali, qed nindirizzaw lakuni legali li tul l-aħħar snin ġew identifikati bħala problematiċi, kemm fil-ħidma tad-Direttorat, iżda wkoll għal kull min jieħu ħsieb kwalunkwe tip ta’ annimal”. Iddikjarat dan fil-parlament is-Segretarju Parlamentari għall-Agrikoltura, il-Biedja, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said.

Hija qalet li b’dawn l-emendi għandhom jiġu kjarifikati ċertu spettakli u wirjiet li jsiru matul is-sena u li jinkludu l-annimali. Semmiet kif skont l-Att preżenti, spettaklu bħalma huwa dak annwali tal-klieb tal-pulizija jaqa’ taħt id-definizzjoni ta’ ċirklu u li għaldaqstant hemm lakuna dwar il-legalità tiegħu f’dan ir-rigward.

It-terminu torbot jitwessa’ għal kull annimal domestiku fil-pubbliku

Is-Segretarju Parlamentari qalet li l-emendi jinkludu wkoll emenda tat-tifsira legali kurrenti tat-terminu torbot, li bħalissa teskludi mill-ambitu tagħha biss iċ-ċineg tal-klieb meta jkunu qegħdin f’post pubbliku. 

Fl-emendi qed ikun propost li dan l-obbligu li l-annimali jkunu fil-kontroll assolut tas-sid permezz ta’ ċinga meta jkunu f’post pubbliku, ma jibqax biss limitat għall-klieb, kif inhuwa fil-preżent, iżda jitwessa’ għal kull annimal domestiku ieħor li jinħareġ fil-pubbliku (bħalma huma ż-żwiemel), u b’hekk jiġu evitati inċidenti bla bżonn. 

Saħħa legali ta’ spezzjonijiet mingħajr avviż

Il-ħidma tad-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja kif ukoll  tad-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali s’issa kienet tinkludi ċirkostanzi fejn ma setgħux iwettqu xogħolhom bl-aħjar mod u dan l-abbozz u maħsub li jindirizza din il-problema wkoll. Fost affarijiet oħra, bħalissa  qabel issir spezzjoni fiżika mid-Direttorat f’każ ta’ suspett gravi ta’ mohqrija fuq l-annimali, irid jinħareġ avviż lis-sid tad-dar li se tkun qed tiġi spezzjonata, ta’ lanqas ġurnata qabel. Wieħed jifhem li dan l-avviż jaħdem dejjem favur min għandu x’jaħbi fejn mhux talli qed jiġi avżat, iżda saħansitra infurmat dwar meta u fi x’ħin se jinġabru l-provi.

Bidla oħra importanti, speċjalment f’każijiet urġenti ta’ annimali miżmuma fi stat ħażin, fejn is-sid ta’ post li jrid jiġi spezzjonat ma jistax jinsab fl-immedjat, qed tingħata s-saħħa legali lid-Direttorat sabiex ikun jista’ jidħol bil-forza, fejn dan ikun neċessarju biex jiġu mħarsa l-annimali inkwistjoni.

B’din l-emenda, waqt is-smigħ tal-proċeduri, il-qorti tista’ tiprojbixxi lill-persuna li tkun qiegħda taffaċċja akkużi ta’ reat milli żżomm aktar annimali. 

Reġistru ġdid għal min jinstab ħati b’reati kontra l-att ta’ trattament xieraq

Element kruċjali ieħor ta’ dan l-abbozz huwa l-ħolqien ta’ reġistru ġdid li se jkun qed jinkludi lil kull min jinsab ħati ta’ reati kontra l-Att dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali. Dan ir-reġistru,  li se jkun qed jinżamm mill-Kummissarju tal-Annimali, se jkun qed jgħin lill-Qorti fil-ġudizzju taghha fejn tista’ tagħżel li tipprojbixxi lil dawn il-persuni milli jżommu annimali oħrajn, għal perjodu ta’ żmien determinat. 

Qed jiġi introdott artikolu ġdid fejn il-Ministru ser jingħata l-poter jagħmel regolamenti sabiex jipprovdi lista ta’ ċertu razez ta’ klieb meqjusa bħala perikolużi, inkluż il-mod ta’ kif dawn għandhom jiġu regolati. 

It-terminu perikolużi, nibet mill-Att ta’ Dangerous Dogs Act tar-Renju Unit. Bugeja Said qalet li ta’ min jiddiskuti dan it-terminu biex ma jkunx hawn razez li jispiċċaw stigmatizzati bla bżonn. 

Żiedet tgħid li l-istess argument qed jitqajjem mill-assoċjazzjoni tal-veterinarji fl-Ingilterra fejn qegħdin proprju jitolbu lill-Gvern Ingliz jikkunsidra l-użu tat-terminu perikolużi fejn qed jargumentaw li ma tistax tittimbra razza partikolari. Il-mira hija dik li jiġu kkontrollati b’mod matur u responsabbli, razez ta’ ċertu saħħa, fejn is-sid irid ikollu ċerta abbiltà u esperjenza għal kontroll sigur tal-annimal. 

Sport