Għal darba oħra l-inflazzjoni fl-Ewropa kompliet tiela’ lfuq. Xhur kienu taw indikazzjonijiet li jistennew li f’Settembru l-inflazzjoni tibda tikkalma. Sa issa dan mhux il-każ. Mhux talli l-inflazzjoni ma’ kkalmatx, talli għax-xahar ta’ Settembru l-inflazzjoni telgħet għal 9.9 fil-mija, li jfisser 0.8 fil-mija aktar minn kemm kienet matul ix-xahar ta’ Awwissu.
L-inflazzjoni mhux qed tolqot lil pajjiżi kollha l-istess. Hemm pajjiżi bħal Estonja u l-Litwanja li għandhom inflazzjoni ta’ aktar minn għoxrin fil-mija. Il-pajjiżi bl-inqas inflazzjoni fl-Unjoni Ewropea huma Franza u Malta.
Sa issa minkejja diskors mill-bankiera u l-burokratiċi Ewropej li l-prijorità hi li jkun hemm stabbilità fil-prezzijiet, din sa issa għadha ma mmaterjalizzatx. Quddiem dan, l-istess bankiera qed ikomplu jitkellmu dwar żidiet fir-rati tal-imgħax.
Nifhmu l-importanza li jkun hemm stabbilità fil-prezzijiet, xi ħaġa li sa issa għadha l-bogħod ħafna. Filfatt, waqt li mira tal-Bank Ċentrali Ewropew kienet li l-inflazzjoni għal din is-sena tkun f’media ta’ 2 fil-mija, kollox qed jindika li din il-mira mhux biss mhux se tintlaħaq imma qiegħda ħafna il-bogħod. Hu kkalkulat li din is-sena l-medja tal-inflazzjoni se tkun 8 fil-mija, jiġifieri 6 fil-mija aktar mill-mira li kien hemm.
L-inflazzjoni twassal biex is-saħħa tax-xiri tal-konsumaturi , tal-pensjonanti u nies oħra, tonqos bil-kbir. Iċ-ċirkostanzi li tinsab fihom id-dinja bħalissa, xejn mhu qed jagħmlu faċli biex tiġi trattata l-inflazzjoni. L-inċertezza li teżisti u li din ġejja mill-gwerra fl-Ukrajna, qed twassal għal inċertezza fis-swieq finanzjarji. Ħafna kumpaniji qegħdin joqogħdu lura milli jinvest. Il-konsum qed jonqos ukoll.
Kategorija ta’ persuni li qegħdin jogħtru taħt il-piż tal-inflazzjoni huma l-anzjani. Dawn il-persuni fl-aħħar xhur u ġimgħat raw il-pensjoni dejjem titnaqqar aktar u dan minħabba żieda fl-ispejjeż. It-tnaqqis fis-saħħa tal-pensjoni qed jaffettwa l-kwalità tal-ħajja.
Minħabba iż-żieda fil-prezzijiet, illum l-anzjani qed isibu li l-pensjoni qed isservihom biss għal ikel, bżonnijiet u biex iħallsu l-kontijiet. Minħabba iż-żieda fil-prezzijiet, l-anzjani tagħna ma kellhomx triq oħra biex jibdew jaqtgħu barra u jwarrbu, affarijiet li issa qed iqisu li jistgħu jgħaddu mingħajrhom.
F’pajjiżna minn żmień għal żmień u anke fil-baġits ingħataw għajnuniet lill-anzjani. Il-ħajja tal-anzjani tagħna tjiebet. Dan iżda ġie mdgħajjef ħafna fl-aħħar xhur biż-żidiet fil-prezzijiet. Żidiet li qed jaffettwaw il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani.
Anzjani inaqqsu l-ħruġ tagħhom fi tmiem il-ġimgħa. Oħrajn jagħmlu ekonomija fejn tidħol saħħa jew żjarat għand it-tobba. Oħrajn jagħmlu l-ekonomija mal-iklel. Mhumiex wieħed u tnejn li ddeċidew li jneħħu l-karozza hekk kif din bdew jarawha bħala spiża.
Nemmnu li l-awtoritajiet għandhom jistudjaw u janalizzaw sew kif qed jiġu affettwati l-anzjani tagħna. Nemmnu li ma’ dan imbagħad għandu jkun hemm miżuri u inċentivi biex is-saħħa finanzjarja tal-pensjoni tissaħħaħ. Ma nistgħux f’din is-soċjetà nħallu l-anzjani tagħna b’mod partikolari dawk b’pensjoni baxxa jgħixu f’tensjoni kbira u ma jafux jekk il-pensjoni hux se sservihom sa’ l-aħħar tax-xahar. Mhux ġust li nħallu l-anzjani tagħna jiġġieldu mal-pensjoni biex forsii sservihom.