L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia mexxa l-ewwel edizzjoni tal-Parlament Nazzjonali tal-Anzjani bit-tema ‘Drittijiet tal-Anzjani u l-Abbuż fuq l-Anzjani’. Din il-laqgħa fil-Parlament saret b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani (KNA).
F’diskors tal-okkażjoni, l-Ispeaker tenna li l-anzjani, bħala individwi, għandhom id-dritt li tkun imħarsa d-dinjità tagħhom bħala persuni umani. Hu rrefera għal Artiklu 1 tad-Dikjarazzjoni Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 li jgħid: ‘Il-bnedmin kollha jitwieldu ħielsa u ugwali fid-dinjità u fid-drittijiet’. Hu għamel referenza wkoll għal Artiklu 22 li jagħraf id-dritt għas-sigurt soċjali lil kulħadd, inkluż l-anzjani, liema hu meqjus bħala meħtieġ għall-ħarsien tad-dinjità tal-persuna umana u fl-iżvilupp tal-personalità ta’ kull persuna, inkluż l-anzjani.
L-Ispeaker irrefera għal għadd ta’ riformi soċjali li twettqu mill-Gvern ta’ Malta sa minn qabel l-Indipendenza fl-1964, fost dawn l-introduzzjoni tal-pensjonijiet kontributorji u benefiċċji mhux kontributorji, ir-riforma fis-servizz tas-saħħa u għadd ta’ għajnuniet oħra intiżi biex dejjem tkun imħarsa d-dinjità tal-anzjani, il-morda u persuni li jeħtieġu l-għajnuna soċjali f’pajjiżna.
L-Ispeaker fakkar li llum l-anzjani f’pajjiżna jgħoddu madwar kwart tal-populazzjoni ta’ Malta. Hu qal li l-politika nazzjonali dwar l-anzjani tindirizza b’mod partikolari kemm il-kura tagħhom f’darhom u fid-djar ta’ kura, is-servizzi fil-komunità u anke l-politika nazzjonali dwar id-dimenzja. Hu kompla billi qal li l-politika tagħraf ukoll l-importanza li l-anzjani jibqgħu attivi biex huma jibqgħu kemm jista’ jkun b’saħħithom kemm fiżikament u anke mentalment. Għalhekk, l-anzjani huma mħeġġa jibqgħu jagħtu l-kontribut tagħhom lis-soċjetà billi jissieħbu f’organizzazzjonijiet volontarji ta’ siwi lis-soċjetà tagħna.
L-Ispeaker għaraf li l-anzjani huma riżorsa, għajn ta’ għerf imsaħħa b’esperjenza tal-ħajja. “Permezz ta’ ħidmiethom, pajjiżna għeleb diversi diffikultajiet, inkiseb il-progress li għandna llum, u permezz tal-bżulija tagħhom, l-anzjani kienu u għadhom mezz ta’ ispirazzjoni għalina biex inħarsu ’l quddiem, negħlbu l-isfidi tal-lum u għada b’aktar ottimiżmu, ħeġġa u determinazzjoni,” temm jgħid l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati.
Din is-seduta speċjali ġiet indirizzata wkoll mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, kif ukoll l-MPs Malcolm Agius Galea u Paula Mifsud Bonnici.