Il-proporzjon ta’ nies anzjani fis-soċjetà tagħna qed jikber b’rata mgħaġġla. Primarjament, it-tnaqqis fit-twelidijiet u wkoll għax in-nies qed jgħixu iktar bi kwalità tal-ħajja aħjar huma fost ir-raġunijiet ewlenin li l-popolazzjoni Maltija qed dejjem tixjieħ u bl-għadd ta’ anzjani jiżdied iktar.
Li n-nies qed jgħixu iktar huwa tajjeb u huwa sinjxal li pajjiżna għamel avvanzi kbar soċjalment u ekonomikament biex wasalna li jkollna poplu iktar f’saħħtu. Ħadd ma jista’ jiċħad li bħala poplu għandna fost l-aqwa sistemi tas-saħħa fl-Ewropa jekk mhux ukoll fid-dinja. U dan ukoll qed iwassal biex in-nies jgħixu iktar.
Is-sitwazzjoni Ewropea m’hijiex differenti minn ta’ pajjiżna. Stħarriġ li kien sar ftit snin ilu sab li l-popolazzjoni ta’ persuni anzjani fl-Unjoni Ewropea se tkompli tikber tant li hu smat li sas-sena 2060, in-numru ta’ persuni ta’ ‘l fuq minn 65 sena se jiżdied minn 19.3% għal 29% tal-popolazzjoni kollha fejn ukoll il-persentaġġ ta’ persuni ta’ ‘l fuq minn 80 sena se jirdoppja u jilħaq it-12.1%.
Ironikament, tul dan l-istess perijodu, dawk fl-età tax-xogħol bejn 15 u 64 sena fl-istati membri tal-Unjoni Ewropea hu mistenni li jonqsu bi 11.6%. Dan mhux awgurju sabih meta nafu li t-tkabbir ekonomiku jiddependi ħafna fuq l-impjiegi u fuq kemm nies ikunu qed jaħdmu. Għaldaqstant, jekk il-forza tax-xogħol tibda tinxtorob u tinxef tħalli effetti negattivi mhux biss fuq l-ekonomija imma iktar agħar ukoll fuq s-sistemi soċjali u fuq il-benesseri tan-nies.
Il-pensjonijiet, is-sistema tas-saħħa, l-edukazzjoni, is-servizzi soċjali u tant oqsma oħra jiġu f’sogru li ma jibqgħux aktar sostenibbli għaliex il-forza tax-xogħol ma tkunx iktar kapaċi li tipprovdi għal ħtiġijiet ta’ numru dejjem jikber ta’ persuni li jiġu jiddependu fuq il-benefiċċji u servizzi soċjali bħall-pensjonijiet.
F’dan ix-xenarju, l-istat għandu jagħmel minn kollox, kif diġa qed jagħmel, sabiex l-anzjani ma jkunux meqjusa ta’ piż fuq is-soċjetà. Il-Gvern Laburista diġà għamel f’dan il-qasam u jidher li hekk se jkompli jagħmel biex imexxi il-quddiem l-anzjanità attiva u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet.
Huwa ta’ sodisfazzjon li naraw impenn minn dan il-gvern li jkompli jibni fuq il-kisbiet tal-imgħoddi u jdawwarhom f’legat soċjali u politiku qawwi li jwassal għal aktar riżultati konkreti li jassiguraw il-koeżjoni soċjali, il-prosperita u l-inklużżjoni partikularment ta’ l-anzjani.
Id-dritt li l-anzjani jgħixu b’mod dinjituż u indipendenti u li jkollhom aċċess għall-attivitajiet ekonomiċi, soċjali, kulturali u ċiviċi huwa inaljenabbli. Dan jidher li se jkompli jkun parti integrali fl-impenn tal-Gvern biex is-soċjetà tkun verament soċjetà ġusta.
M’hemm ebda dubju li sfidi ġodda li qed jitfaċċaw se jġibu magħhom bidliet demografiċi kbar, madankollu, aħna fiduċjużi li l-għan għal soċjeta ġusta qed ikompli jintlaħaq permezz ta’ politika soċjali rigoruża li ssostni dejjem iktar liż-żgħir, lill-batut u lil min hu vulnerabbli fis-soċjeta.
Dak kollu li sar diġà f’dan il-qasam itina għax nifhmu li l-Gvern se jistimula iktar l-anzjanità attiva billi jkompli jintroduċi inċentivi fiskali u finanzjarja biex jinkoraġixxi lil dawk li jixtiequ jibqgħu attivi fid-dinja tax-xogħol anki wara li jilħqu l-età tal-irtirar.
Dan mhux biss iħalli impatt pożittiv fuq il-kwalita tal-ħajja tal-anzjani li minbarra pensjoni jkollhom ukoll dħul addizjonali imma jħalli wkoll impatt pożittiv fuq l-ekonomija tal-pajjiż.
Il-Gvern Laburista ta l-ewwel passi diġà meta fil-budget għal din is-sena introduċa miżura li r-rata ta’ taxxa fuq id-dħul tal-anzjani teskludi l-pensjoni. Fi ftit kliem il-pensjoni mhix se tibqa’ iktar tkun magħduda ma’ kull dħul ieħor għal fini ta’ ħlas ta’ taxxa. B’hekk l-istat diġà qed jinkoraġġixxi bis-serjetà u bl-eżempju l-anzjanità attiva.