L-anzjanità – stadju tal-ħajja li fih il-persuna tibqa’ tgħix b’dinjità u bl-aqwa kwalità ta’ ħajja

Il-GWU tiltaqa’ mas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Deo Debattista

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union (GWU) temmen li meta persuna tidħol fl-istadju tal-anzjanità, tkun qed tiftaħ kapitlu ġdid f’ħajjitha li jista’ joffri opportunitajiet ġodda, kemm bħala rikonoxximent u radd il-ħajr għall-kontribut li tat tul is-snin, kif ukoll għall-ġid tal-pajjiż innifsu. Dan għandu jkun stadju tal-ħajja kkaratterizzat minn dinjità, rispett, indipendenza u kwalità ta’ ħajja, filwaqt li s-soċjetà tkompli tagħraf u tagħmel l-aħjar użu mill-esperjenza, l-għarfien u l-kontribut imprezzabbli li l-anzjani jistgħu jibqgħu jagħtu.

“Il-General Workers’ Union għandha għal qalbha lill-anzjani għaliex, minkejja l-età avvanzata tagħhom, għad għandhom ħafna x’joffru lill-pajjiż, speċjalment meta l-enerġija u l-ideat tal-ġenerazzjonijiet iżgħar jitħalltu mal-esperjenza u l-għarfien tal-anzjani.”

Dan kien is-sentiment espress mis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri waqt laqgħa li delegazzjoni tal-GWU kellha mas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Deo Debattista.

Camilleri saħaq li l-anzjani tagħna għandhom jingħataw aktar opportunitajiet ta’ mentoring, volontarjat u inizjattivi oħra li permezz tagħhom l-esperjenza u l-għarfien tagħhom jibqgħu ta’ benefiċċju għall-komunità, filwaqt li huma stess ikomplu jkunu attivi, integrati u jħossuhom parti importanti mis-soċjetà.

Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista qal li, f’kuntest fejn il-popolazzjoni Maltija qed tixjieħ u l-istennija tal-ħajja qiegħda tkompli tiżdied, huwa essenzjali li l-pajjiż ikompli jħejji ruħu għall-isfidi demografiċi tas-snin li ġejjin, filwaqt li joħloq aktar opportunitajiet biex l-anzjani jibqgħu attivi, indipendenti u parteċipi b’mod sħiħ fis-soċjetà.

“Il-fatt li n-nies qed jgħixu aktar huwa żvilupp pożittiv, iżda fl-istess waqt iġib miegħu sfidi ġodda. Dan irid ikun akkumpanjat minn politika li tiżgura li n-nies mhux biss jgħixu aktar fit-tul u b’saħħithom, iżda kemm jista’ jkun b’mod indipendenti u, fuq kollox, b’kwalità ta’ ħajja tajba.”

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tal-Għaqda Pensjonanti tal-GWU Paul Bugeja faħħar l-inizjattivi li diġà jeżistu u li komplew jiżdiedu għall-anzjani f’pajjiżna. Madankollu, saħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħaħ il-mod kif l-informazzjoni dwar il-benefiċċji, is-servizzi u l-opportunitajiet disponibbli tasal għand l-anzjani.

Bugeja qal ukoll li, hekk kif in-nies qed jgħixu aktar, ikun tajjeb li kull komunità jkollha stampa aktar ċara tal-popolazzjoni anzjana fil-lokalità tagħha u, kemm jista’ jkun, iżżomm kuntatt kontinwu magħha. B’dan il-mod, l-anzjani jkunu jistgħu jinżammu infurmati dwar dak li jkun qed iseħħ fil-komunità, filwaqt li dan il-kuntatt jista’ jservi wkoll bħala mezz ta’ appoġġ u assistenza fejn ikun meħtieġ.

“Jeħtieġ li jkun hawn aktar inizjattivi ta’ sostenn kontra s-solitudni u l-iżolament soċjali fost l-anzjani. Il-kuntatt uman, l-attività soċjali u s-sens li persuna għadha tagħmel parti mill-komunità huma elementi importanti ħafna għall-benesseri u s-saħħa mentali,” żied jgħid Bugeja.

Il-GWU temmen li l-għan għandu jkun ċar: li persuna mhux biss tgħix aktar, iżda tgħix aħjar. 

“Irridu soċjetà fejn l-anzjani jibqgħu indipendenti, attivi, rispettati u parti integrali mill-komunità. L-anzjanità għandha tkun stadju tal-ħajja li fih il-persuna tibqa’ tgħix b’dinjità u bl-aqwa kwalità ta’ ħajja possibbli,” sostniet il-GWU.

Il-GWU se tkompli tinsisti fuq politika li ma tħarisx lejn l-anzjan bħala piż, iżda bħala persuna b’esperjenza, għarfien u kontribut importanti x’tagħti lis-soċjetà.

Preżenti għal din il-laqgħa f’isem il-GWU kien hemm id-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Abela, il-President Jason Deguara, is-Segretarju tat-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa Kendrick Bondin, l-Assistent Segretarju tat-Taqsima Lawrence Bugeja u s-Segretarju tal-Għaqda Pensjonanti Pawlu Bugeja.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport