Ilbieraħ ġew mimlija uffiċjalment żewġ istituzzjonijiet kruċjali għad-demokrazija ta’ pajjiżna. Dik tal-Ombudsman u tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Minkejja l-kontroversja li nqalgħet dwar waħda minn dawn il-karigi, issa l-poplu għandu moħħu mistrieħ illi dawn iż-żewġ karigi importanti se jibdew jiffunzjonaw immedjament.
Waqt il-ħatra tagħhom, il-President ta’ Malta George Vella bir-raġun kollu rrimarka dwar l-apatija li teżisti dwar il-politika fil-pajjiż. Tant li qal li dan is-sens ta’ apatija u nuqqas ta’ ħeġġa qed jirriżulta fost dawk li jistgħu jkunu mħajra jidħlu fil-politika. Hawnhekk tajjeb nistaqsu x’qed jikkaġuna din l-apatija. Forsi diskorsi daqsxejn aggressivi fil-Parlament? Jew forsi n-nuqqas ta’ qbil anke fuq kwistjonijiet li suppost kulħadd jaqbel magħhom?
Wieħed għad irid jifli aktar biex jasal għal din il-konklużjoni. L-apatija fil-politika hija perikoluża ħafna għad-demokrazija biex tiffunzjona kif għandha tkun. Għalhekk ninsistu biex kemm jista’ jkun il-Gvern u l-Oppożizzoni jaslu għal qbil bejniethom għall-inqas f’dawk is-suġġetti li mhumiex daqstant kontroversjali. F’dan ir-rigward, il-politika partiġġjana m’għandhiex post u għandha titwarrab għalkollox u dan fl-interess tal-ġid komuni.
Dwar il-ħatra ta’ Kummissarju għall-Istandards, fil-fehma tagħna, il-President kien korrett ukoll meta fisser li l-ħidma ta’ skrutinju serju tal-Kummissarju għandha sservi biex isserraħ l-imħuħ u tkun ta’ motivazzjoni. Aħna konvinti minn dan. Daqskemm aħna konvinti wkoll mill-integrità u l-imparzjalità tal-Kummissarju l-ġdid tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
L-istess nistgħu ngħidu għall-ħatra tal-Ombudsman, li aħna konvinti wkoll li fil-qadi ta’ dmirijietu se jkun imparzjali u se jaġixxi bl-akbar integrità. B’hekk il-poplu kollu se jkollu moħħu mistrieħ li dawk iż-żewġ istituzzjonijiet tant kruċjali, mhux biss se jaħdmu imma se jiffunzjonaw bl-aħjar mod possibbli fil-qadi tar-responsabbiltajiet li ġew mgħobbija bihom.
Il-ħatra ta’ dawn iż-żewġ istituzzjonijiet issa ġabet fi tmiemha l-kontroversja li kien hemm u nawguraw li n-nuqqas ta’ qbil bejn Gvern u Oppożizzjoni dwar ħatriet pubbliċi ma tkunx ir-regola imma l-eċċezzjoni.