Sunday, December 22, 2024

“L-appell tagħna forsi mhux jinftiehem … aħna għandna bżonn in-nases kemm jista’ jkun malajr”

Ikompli t-tħassib dwar l-invażjoni tal-Bagħal taż-Żunżan li qed teqred kolonji ta’ naħal f’pajjiżna.

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar ġranet dan is-sit ippubblika artiklu dwar is-sitwazzjoni ta’ kriżi li jinsabu fiha naħħala Maltin minħabba l-invażjoni tal-Bagħal taż-Żunżan. Fl-ispjega dettaljata tiegħu s-Segretarju tal-Għaqda tat-Trobbija tan-Naħal u Għasel Malti Rodney Galea qalilna li l-appell tagħhom hu li d-Direttorat għall-Biedja jħign b’sussidjar ta’ nases li ħafna min-naħħala ma jafforjawx japplikaw fil-miċħbiet tagħhom. Huwa spjegalna li skont analiżi tas-sitwazzjoni, l-għaqda temmen li għandha tingħata nassa għal min irabbi minn kolonja sa ħamsa li jiżdiedu għal nassa kull ħames kolonji. Dan ifissser li naħħal b’kolonja waħda xorta għandu jingħata nassa, filwaqt li naħħal b’100 kolonja għandu jingħata 20 nassa.

Mistoqsi minn dan is-sit dwar jekk kienx hemm xi rispons wara l-informazzjoni ppubblikata minn Talk.mt, Galea qalilna li sfortunatament l-għaqda ma ngħatat l-ebda rispons ġdid. Huwa qal li bħala għaqda għandhom fiduċja fid-Direttorat u huwa proprju għal din ir-raġuni li qegħdin jippressaw biex din l-għajnuna tingħata kemm jista’ jkun malajr biex ikunu jistgħu jiġu salvati kemm il-kolonji tan-naħal, kif ukoll il-futur tal-prodott lokali.

“Jiddispjaċini nara li ma ngħatajniex rispons. Għalkemm napprezzaw li qegħdin ningħataw il-kelma li se ningħataw għajnuna fix-xhur li ġejjin, nemmen li l-appell tagħna mhux jinftiehem sewwa. Aħna qegħdin nitilfu kolonji sħaħ minħabba l-invażjoni preżenti. Sa Frar Marzu jaf ikun tard wisq”, kompla biex jgħid ma’ dan is-sit Galea.

Saħaq li bħalissa huwa ż-żmien fejn il-Bagħal taż-Żunżan jitqies bħala l-ħaddiem tal-kolonja tiegħu u li għalhekk bħalissa se jibqa’ jdur u jeqred lin-naħal. Ladarba t-temperatura taqbad tiksaħ, iċ-ċiklu jinqaleb u tkun ir-Reġina tal-Bagħal taż-Żunżan li toħroġ, f’ammonti iżgħar biex tiġbor in-nutrimenti, waqt li l-Bagħal taż-Żunżan ikun qiegħed f’hibernation, mistkenni f’postijiet bħalma huma ħitan tas-sejjieħ u briks fost postijiet oħra. 

Galea żied biex jenfasizza li t-talba ta’ kemm jista’ jkun malajr mhix b’kapriċċ. Dan meta hemm postijiet bħalma huwa l-Madliena u żoni fin-naħa t’isfel ta’ Malta fejn kellek naħħala li tilfu sa 30 kolonja ta’ naħal minħabba l-invażjoni aggressiva fil-post.

Mistoqsi dwar x’jista’ jsir biex jiġu rkuprati dawn il-kolonji, Galea qalilna li lanqas bid-diskors mhi faċli tispjega aħseb u ara l-proċess daqstant delikat. Huwa qalilna li f’termini sempliċi, in-naħħal jifred kolonja ta’ 10 tilari fi tliet settijiet bit-tama li dawn jirripproduċu. Madanakollu, jekk ma jkollhomx biżżejjed nutrimenti, mhux talli tista’ tfalli milli tirriproduċi, talli titlef ċertu tilari.

Is-Segretarju tal-Għaqda temm jappella biex l-awtoritajiet jifhmu lil dawn in-naħħala li prattikament huma l-bażi ta’ prodott ieħor lokali importanti biex ikun żgurat li dan jibqa’ b’saħħtu u jkun hawn kontroll tal-invażjoni kemm jista’ jkun malajr.

Ekonomija

Sport