L-apprezzament lejn il-mużika Maltija żdied sew f’dawn l-aħħar snin, b’mod partikolari kemm ilu jsir il-festival Mużika Mużika li issa ħa postu fil-kalendarju kulturali annwali ta’ pajjiżna.
Sa mill-ewwel edizzjoni tiegħu, dan il-festival intlaqa’ b’mod tajjeb ħafna tant li n-nies ikunu qegħdin jistennewh b’ħerqa kbira minn sena għal oħra. Huwa festival li joffri pjattaforma unika għall-artisti Maltin biex mhux biss jesponu lilhom infushom iżda wkoll ikantaw bil-lingwa Maltija.
Issa li daħal fis-sitt edizzjoni, il-festival Mużika Mużika se jkompli jibni fuq is-suċċessi diġà miksuba kif spjega d-Direttur Artistiku ta’ dan il-festival, il-Maestro Paul Abela, f’intervista ma’ dan il-ġurnal.
“Dan il-festival isir b’orkestra live u jirrikjedi ħafna xogħol. Però naħseb li qegħdin fuq livell tajjeb u dak li jistennew in-nies, qed nilħqu l-aspettattiva tagħhom,” tenna l-Mro. Abela.

Huwa stqarr li l-mużika Maltija issa laħqet ċertu livell fejn qed naraw ukoll bosta kanzunetti minn Mużika Mużika jagħmluha mal-aqwa 20 ta’ Malta.
Barra minn hekk, dawn il-kanzunetti qed jiġu mitluba wkoll f’tiġijiet u serati oħra. “L-għan tagħna huwa li kemm jista’ jkun niddiversifikaw. Irridu nagħtu stampa wiesgħa tal-Mużika Maltija bi stili differenti ta’ mużika. Irridu nuru li l-lingwa Maltija toqgħod għal kull stil,” qal il-Mro. Abela.
Huwa enfasizza fuq l-importanza li artisti Maltin jingħataw pjattaformi bħal dawn biex jesponu aktar it-talent tagħhom. “L-artist għalina jiġi l-ewwel u qabel kollox. Il-kummenti li jkollna mill-artisti huma pożittivi ħafna li jfaħħru l-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment u anke l-palk li jkun spettakolari. U naħseb li l-apprezzament li juru l-artisti lejna jirreċiproka kif nieħdu ħsiebhom aħna.”
Id-Direttur Artistiku ta’ Mużika Mużika rrefera wkoll għall-preparamenti loġistiċi kbar li jkun hemm bżonn isiru biex jittella’ festival ta’ livell għoli bħal dan. “Dan ix-xogħol jirrikjedi ħidma kbira minn ħafna nies. Minbarra l-lat mużikali, hemm ukoll aspetti oħra mil-lat ta’ loġistika,” huwa żied jgħid.
Fil-kummenti konklussivi tiegħu, Mro. Paul Abela jgħid li filwaqt li aħna pajjiż żgħir, it-talent kulma jmur qiegħed dejjem jikber. “Illum qed jiżdiedu wkoll il-faċilitajiet fejn wieħed imur jitgħallem. Min-naħa tagħna, aħna dejjem nipprovaw nilħqu l-ogħla livell. U naħseb li s’issa rnexxielna nagħmlu dan,” temm jgħid id-Direttur Artistiku ta’ Mużika Mużika.
L-edizzjoni ta’ din is-sena se tittella’ bejn id-19 u l-21 ta’ Marzu li ġej, u se tixxandar live mill-MFCC, Ta’ Qali. Il-festival jinkludi l-ewwel serata ddedikata għall-kanzunetti oriġinali tal-kompetizzjoni, serata tal-klassiċi fejn il-kantanti parteċipanti jingħaqdu ma’ kantanti stabbiliti biex jinterpretaw kanzunetta mill-passat, u s-serata finali li matulha jintgħażel ir-rebbieħ jew ir-rebbieħa ta’ din l-edizzjoni.
Għall-ewwel darba fl-istorja tiegħu, Mużika Mużika se jkun qed jixxandar fuq erba’ stazzjonijiet televiżivi lokali, li huma TVM, ONE, F Living Channel u Smash TV. Permezz ta’ dawn l-istazzjonijiet, Mużika Mużika ser ikun qed jitwassal b’mod dirett fid-djar ta’ eluf ta’ telespettaturi Maltin u Għawdxin. Barra minn hekk, Mużika Mużika se jkun qed jixxandar ukoll bil-lingwa tas-sinjali fuq TVM+.
Fl-2025, Mużika Mużika laħaq aktar minn 390,000 telespettatur, u permezz ta’ din l-estensjoni fix-xandir din is-sena, il-festival issa mistenni jilħaq udjenzi aktar diversi u jkompli jkabbar il-bażi ta’ segwaċi tiegħu.
Għal aktar informazzjoni fuq Mużika Mużika 2026, wieħed jista’ jżur is-sit tal-festival www.muzikamuzika.mt u l-midja soċjali fuq Instagram u Facebook.

