Luciano Carciotto – meqjus bħala l-aqwa pizzar fid-dinja fejn jipproduċi u jħawwar l-għaġina tal-pizza sakemm tiġi tintiegħem verament speċjali. Iqis dan ix-xogħol bħala arti minħabba li trid ħafna ħsieb u fantasija biex l-ingredjenti li jiġuk f’moħħok jinħolqu f’pizza tajba u unika.
Minn Cristian Muscat
Luciano Carciotto twieled fil-belt ta’ Catania fi Sqallija nhar is-27 ta’ Lulju 1978. Illum il-ġurnata hu għandu 42 sena. Jispeċjalizza bħala dak li t-Taljani jsejħulu pizzaiolo fejn jipproduċi u jħawwar l-għaġina tal-pizza sakemm tiġi tintiegħem verament tajjeb. Hu jsejjaħ dan ix-xogħol bħala arti minħabba li trid ħafna ħsieb u fantasija biex l-ingredjenti li jiġuk f’moħħok jinħolqu f’pizza tajba u unika.
Kollox beda meta Luciano, tfajjel ta’ 13-il sena beda jagħmel il-pizza f’ristorant f’Pedara li tagħmel mal-provinċja ta’ Catania, eżatt viċin il-vulkan Etna. Kien missieru li ssuġġerielu dan ix-xogħol b’Luciano li deher bejn ħalltejn x’għandu jagħmel. Fil-fatt hu kien qed jaħseb sabiex ikompli l-iskola għalkemm f’moħħu kellu wkoll li jmur jaħdem u jibda jaqla’ xi ħaġa tal-flus. Hu ddeċieda li jagħmel iż-żewġ affarijiet u Luciano baqa’ jsemmi lil missieru bħala l-ispirazzjoni tiegħu.
Minkejja kollox, din il-ħajja studjuża u professjonali xejn ma kienet faċli għal Carciotto li kellu jorganizza l-ħin tiegħu sabiex verament ilaħħaq ma’ kollox. Meta kellu 26 sena, avvanza sew f’dan ix-xogħol ta’ pizzar u filwaqt li ħafna klijenti bdew ifaħħru l-pizez tiegħu, hu kellu ħolma; dik li jiftaħ l-istabbilimenti personali tiegħu.
Din il-ħolma saritlu realta’ meta kellu 26 sena hekk kif fetaħ l-ewwel pizzerija tiegħu fil-belt ta’ Nicolosi. Kien semmieha Pizzeria 7piu. Dan kien wieħed mit-tragwardi li Carciotto jsemmih bħala diffiċli minħabba li trid ċertu għaqal sabiex tiftaħ ristorant.
Ix-xogħol ta’ pizzar għal Luciano Carciotto ma kienx biss limitat bħala passatemp iżda wkoll kompetitur. Fi-fatt hu jieħu sehem fit-tazza tad-dinja tal-pizzara li ssir kull tant żmien madwar id-dinja. Kien hawn fejn ħoloq il-famuża Pizza al Pistacchio u mar biha għal din il-kompetizzjoni mondjali li saret f’Salsomaggiore fl-Italja.
Sadanittant Carciotto fetaħ aktar ħwienet madwar Sqallija bil-pizza tiegħu tinbiegħ qisha pastizzi.
L-ambizzjonijiet ta’ Carciotto baqgħu kbar tant li ried jikseb fama fuq livell internazzjonali. Hu ħoloq il-famuża Pizza Il Regno delle Due Sicilie u mar biha f’Las Vegas sabiex jikkompeti għall-kompetizzjoni msejħa Best of the Best. Hu wasal sabiex kiseb it-tieni post f’dan l-avveniment filwaqt li f’Marzu 2019 hu rnexxielu jsir iċ-champion.
Illum il-ġurnata Carciotto qed jitħallat ma’ diversi personalitajiet famużi bħal Aurelio de Laurentis, Jennifer Lopez u Alessandro del Piero li jkunu ħerqana sabiex iduqu l-pizza tant famuża u bnina tiegħu.
X’inhuma l-kisbiet ewlenin li kellek f’dawn l-aħħar snin?
L-ewwel u qabel kollox niftakar meta fl-2004 ftaħt l-ewwel pizzerija tiegħi. Kien mument mill-isbaħ għalija li ħdimt ferm sabiex jasal. Biż-żmien u bl-għaqal kollu neċessarju ftaħt aktar pizzeriji madwar Sqallija u kburi ngħid li diversi turisti u klijenti jfittxu ferm il-pizza tiegħi. Rbaħt ukoll il-kampjonat mondjali tal-pizza f’Marzu tas-sena l-oħra u dan l-unur iżid ma’ dawk li ksibt fis-snin li għaddew. Illum il-ġurnata għandi 100 ħaddiem jaħdmu miegħi fil-pizzeriji kollha li għandi mxerrda. Kelli x-xorti li nospita diversi personalitajiet fosthom il-president ta’ Napoli Aurelio de Laurentis u l-attriċi Jennifer Lopez li kollha faħħru l-pizza tiegħi. Issa qed nimraħ fl-Istati Uniti fejn ħdimt mill-qrib ma’ diversi pizzara f’Los Angeles u Las Vegas.
L-għan tiegħi issa hu li nkompli nimraħ lejn Hollywood li nafu kemm hu popolari speċjalment bl-industrija tal-films.
X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar l-ikel tradizzjonali Malti?
Jien ngħid li l-ikel tradizzjonali Malti għandu kwalita’ tajba ħafna. Anzi nasal biex ngħid li l-kokijiet u dawk li jaħdmu fil-kċejjen qed ikomplu jirfinaw sew fil-mod ta’ kif isajru sabiex iżommu ħaj dan l-ikel ta’ kwalita’.
Nara wkoll li hemm xebh kbir bejn il-kċina Taljana u dik Maltija. Wara kollox l-ikel mediterranju hu kollu tajjeb.
Kif affettwat il-pandemija tal-COVID-19 lill-ekonomija partikolarment ir-ristoranti tiegħek?
Ifhem bħal kull settur ieħor, il-pandemija tal-COVID-19 effettwat ukoll lir-ristoranti kollha fid-dinja. B’xorti tajba mexa ħafna l-kunċett ta’ take-away fejn wassalna l-pizez tagħna fid-djar tan-nies u żammejna dik il-kwalita’ tant importanti. M’hemmx xi ngħidu, it-turiżmu ħa daqqa ‘l isfel speċjalment fiż-żminijiet tar-rebbiegħa iżda wara kollox, is-saħħa tiġi l-ewwel u qabel kollox.
Nittamaw li bil-mod il-mod noħorġu minn din il-problema li effettwat sew lid-dinja u li laqtet lil kulħadd irrispettivament x’reliġjon, twemmin jew pajjiż li ġej minnu.
X’inhuma l-kwalitajiet l-aktar importanti li għandu jkollu pizzar sabiex jirnexxi?
Jien ngħid li hemm tliet kwalitajiet importanti sabiex pizzar verament jirnexxi; imħabba, dedikazzjoni u professjonalita’. Jekk tgħaqqad dawn it-tliet affarijiet flimkien persważ li toħroġ pizza tajba. Meta int ikollok l-imħabba lejn it-tisjir dan ikun ifisser aktar paċenzja u għatx sabiex tkun professjonali. Fuq kollox id-dedikazzjoni tgħin sabiex il-prodott joħroġ verament tajeb.
X’inhu l-futur ta’ Luciano Carciotto?
Bħalissa qed naħdem ħafna mill-Istati Uniti fejn qed nipprova ndaħħal il-kunċetti tiegħi hemmhekk filwaqt li nkompli niżviluppa t-talenti tiegħu. Jien ngħid li taf kemm taf qatt m’hu biżżejjed. Nittama li nimraħ ukoll lejn Hollywood li naf li hu l-benniena tal-films u l-atturi ewlenin. Jekk jirnexxieli nagħmel hekk inkun ilħaqt objettiv ieħor fil-karriera tiegħi.