Friday, November 22, 2024

L-AQWA SURVEY DAKINHAR LI JINXTEĦET IL-VOT

Aqra wkoll

Minn żmien għal żmien, kmamar tal-aħbarijiet differenti
jħejju stħarriġ tal-opinjoni pubblika biex ikollhom stampa aktar ċara dwar liema partit politiku u anke liema mexxej tal-partit jinsab igawdi l-akbar fiduċja tal-elettorat.

Proprju lbieraħ ħarġu żewġ surveys oħra – tat-Times u l-MaltaToday – li ta’ min wieħed jixtarrhom sew. Filwaqt li tal-ewwel kien qiegħed jagħti rebħa lill-Partit Laburista b’vantaġġ ta’ 18,000 vot, tat-tieni kien qiegħed jgħid li l-Partit Nazzjonalista jinsab minn fuq għall-ewwel darba wara ħafna snin.

Din id-diverġenza fir-riżultati bla dubju tqanqal bosta mistoqsijiet dwar liema wieħed għandu jitwemmen. Konsistenti iżda kienet il-fiduċja fil-Prim Ministru Robert Abela li jidher li d-distakk bejn iż-żewġ mexxejja ewlenin għadu wieħed
sostanzjali ferm.

Dan minnu nnifsu huwa indikattiv li għalkemm il-Partit Laburista
naqqas mill-voti, skont ma ħareġ minn dan l-istħarriġ, il-Partit Nazzjonalista qiegħed ifalli milli jieħu vantaġġ tas-sitwazzjoni.

Nemmnu li f’dan l-istadju ftit li xejn hemm xi żżid rigward il-kredibbiltà tal-Partit Nazzjonalista, aktar u aktar dik tal-Kap tal-istess Partit Bernard Grech. L-istħarriġ iġib miegħu domanda oħra rigward il-futur tal-Partit Nazzjonalista jekk fl-aħħar
mill-aħħar għad fadal lok għal futur.

Dan hekk kif wieħed mis-surveys staqsa partikolarment dwar it-tmexxija tal-partit u lil min jaraw bħala l-iktar Kap li jixraqlu li jkun f’dak l-irwol, bil-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tgawdi aktar mid-doppju tal-fiduċja
f’Bernard Grech. Mhux biss … ninnutaw ukoll li l-metodoloġija tal-attakki minn individwi fl-Oppożizzjoni ftit li xejn qiegħda twassal biex tiġbed l-elettorat fejn saħansitra l-eks Kap tal-partit Adrian Delia jidher li spiċċa niżel ftit taħt Grech bit-tnaqqis sostanzjali fil-fiduċja li kien qiegħed igawdi fl-aħħar stħarriġ.

Nemmnu wkoll fil-konsistenza. Nemmnu f’metodoloġija meqjusa. Nemmnu f’kampjun adegwat u maħdum b’serjetà. Nemmnu li l-istħarriġ ikkummissjonat minn dan il-ġurnal fl-aħħar snin kien l-aktar wieħed preċiż u sadanittant sakemm ikollna dawn l-aħħar numri nemmnu li l-aħjar stħarriġ jista’ jagħtih biss l-elettorat meta jidħol waħdu bil-vot tiegħu, jimlieh u jpoġġih fil-kaxxa.

Rigward l-għażla tal-poplu nemmnu li f’dan l-istadju l-poplu qiegħed ikompli jikkonferma li xejn mhu jinġibed lejn il-politika tal-Partit Nazzjonalista u l-iżball. tiegħu li f’kilba għas-siġġu tal-poter idawwar kwistjoni nazzjonali f’waħda ta’ politika partiġġjana. Donnu li l-Oppożizzjoni mhix tintebaħ b’dan u għalhekk nemmnu wkoll li dak li qal id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne rigward l-unika għażla għal pajjiż aħjar mhix bejn il-PL u l-PN iżda PL aħjar, PL li lest li jagħraf l-iżbalji tiegħu biex ikun jista’ jibqa’ jaħdem u jikkonvinċi lill-poplu biddeċiżjonijiet għaqlin tiegħu.

Sport