Sunday, December 22, 2024

L-Arċisqof f’appell kontra l-ebusija tal-qalb u favur li nħallu lil Alla jiggwidana

... Jawgura Milied hieni u sena ġdida mimlija risq u barka lil kulħadd

Aqra wkoll

“Din is‑sena, aħna u nħarsu lejn l‑Art Imqaddsa, nitolbu b’talba ħerqana għall‑paċi u nibku eluf u eluf ta’ vittmi tal‑ħruxija tal‑bniedem. Donnu Erodi għadu magħna fil‑qalb ta’ kull bniedem.” Hekk beda biex jindirizza lill-poplu Malti u Għawdxi l-Arċisqof Charles Scicluna filwaqt li wera s‑solidarjetà lil Iżrael u lill‑Palestina. 

Scicluna qal li ninsabu fl‑għatba tas‑sena ġdida, l‑2024, li għal Malta tagħna hija sena importanti ħafna ta’ żewġ anniversarji importanti. Dan hekk kif Malta, fl‑2024, tagħlaq 60 sena bħala stat indipendenti, u 50 sena bħala repubblika.

800 sena ilu, San Franġisk, fir‑raħal ċkejken ta’ Greccio, ħoloq l‑ewwel presepju. Huwa qal li jiftakar ukoll li l‑qaddis tagħna San Ġorġ Preca kien jinsisti mas‑soċji tiegħu biex jippruvaw li f’kull dar fejn hemm it‑tfal ikun hemm ukoll il‑Grotta ta’ Betlehem, il‑presepju. 

“Kemm tkun ħaġa sabiħa li din l‑użanza qaddisa tibqa’ ħajja, u fl‑ambjenti kollha tagħna—anke f’dawk pubbliċi u fid‑djar tagħna—nibqgħu nsibu l‑presepju. Meta nħarsu lejn il‑Grotta ta’ Betlehem aħna nifhmu li qegħdin niċċelebraw l‑imħabba ta’ Alla f’tarbija ċkejkna f’maxtura. Il‑kobor tal‑ħniena ta’ Alla u l‑imħabba tiegħu jħarsu lejna mill‑għajnejn iżebbġu ta’ dik it‑tarbija”, kompla Scicluna.

L-Arċisqof qal li ma’ Dun Ġorġ Preca m’għandniex niddejqu minn Alla u nitolbuh l-għajnuna biex inkunu nistgħu nimxu ’l quddiem.

Huwa temm jawgura lil kulħadd Milied hieni u sena ġdida mimlija risq u barka b’mod speċjali lill‑anzjani u l‑morda, lil dawk li qegħdin fil‑faċilitajiet residenzjali ta’ terapija, ta’ rijabilitazzjoni fil‑Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, u f’ambjenti oħra, u lill‑familji kollha.

YouTube video
Ekonomija

Sport