L‑Arċisqof Charles Scicluna se jmexxi d‑90 pellegrinaġġ annwali għall‑morda f’Lourdes organizzat mill‑Għaqda Maltija Trasport tal‑Morda f’Lourdes (UMTAL) bejn it‑18 u t‑22 ta’ Lulju 2022. L‑Arċisqof se jkun akkumpanjat minn Dun Joe Mizzi, li hu d‑direttur spiritwali tal‑UMTAL u l‑Arċipriet tal‑parroċċa tar‑Rabat. Dan se jkun l‑ewwel pellegrinaġġ taħt il‑gwida tal‑President tal‑UMTAL Dr Joseph Debono, konsulent kirurgu u direttur tal‑Isptar Mater Dei.
L‑applikazzjonijiet bħalissa jinsabu miftuħin għall‑pubbliku u kulħadd jista’ jattendi. Grupp ta’ tobba, infermiera, carers u voluntiera lajċi, bi spejjeż tagħhom jagħtu ħinhom biex jieħdu ħsieb lill‑pazjenti u jassiguraw esperjenza komda u sigura għal kulħadd.
Kull sena sa mill‑1930, l-UMTAL (Unione Maltese Trasporto Ammalati a Lourdes), li hi għaqda volontarja, tagħmel dan il‑pellegrinaġġ possibbli għal nies li kieku ma jkunux jistgħu jżuru dan is‑santwarju qaddis. Flimkien mal‑pazjenti u l‑voluntiera, il‑pellegrini jattendu għal diversi funzjonijiet reliġjużi ċċelebrati mill‑Knisja Universali bħall‑quddiesa internazzjonali, l‑Adorazzjoni tal‑Ewkaristija Mqaddsa u l‑purċissjoni ta’ filgħaxija magħrufa bħala l‑Aux Flambeaux. Minbarra dawn jiġu organizzati ċelebrazzjonijiet oħra fosthom quddies bil‑Malti fejn il‑kongregazzjoni tipparteċipa fis-sagrament tal-qrar u d-dlik tal-morda kif ukoll il‑quddiesa fil‑Grotta tal‑Madonna.
Dawk il‑pazjenti, voluntiera jew pellegrini li jixtiequ jingħaqdu mal‑Arċisqof Scicluna f’dan il‑pellegrinaġġ jistgħu jibagħtu email fuq [email protected] jew iċemplu fuq 79226606.