Friday, May 3, 2024

L-Arċisqof irid Oppożizzjoni aktar voċifera

Aqra wkoll

“I wish for the Opposition to become more vociferous. I understand it has a past, but I wish it was more present in the political debate.”

Dan t’hawn huwa dak li ġie kwotat mill-gazzetta Times of Malta fil-jiem li għaddew bħala li qalu l-Arċisqof Charles Jude Scicluna f’intervista mal-istess gazzetta.

Ir-rapport tal-gazzetta jibda billi jgħid li l-Arċisqof Scicluna qal li kien qed jirrifletti ħafna dwar il-kritika li ssirlu li baqa’ sieket fuq kwistjonijiet politiċi kontroversjali. Ġie rappurtat jgħid li parti minn tali akkużi ġejjin minn nies li jistennewh li jagħmel ix-xogħol tal-Oppożizzjoni. U hu dan ma jogħġbux. “Il-Knisja mhix, u m’għandhiex issir il-partit tal-Oppożizzjoni.”

Il-gazzetta rrappurtat ukoll li l-Arċisqof qal li sadattant l-Oppożizzjoni hija nieqsa mill-effettività u għandha tagħmel iżjed. Kien hawn li mbagħad l-Arċisqof ġie kwotat li qal “I wish for the Opposition to become more vociferous. I understand it has a past, but I wish it was more present in the political debate.”

Nieħdu ftit pawsa u nirriflettu ftit fuq dan t’hawn fuq. Mill-mod kif taġixxi l-Oppożizzjoni nara li hemm differenza bejn it-termini li juża l-Arċisqof fil-konfront tagħha: EFFETTIVITÀ u VOĊIFERA.

EFFETTIVITÀ. Wieħed għandu jara għala l-Oppożizzjoni mhix effettiva daqs kemm jixtieqha l-Arċisqof. F’dan ir-rigward naħseb li l-punt kardinali għal tali nuqqas huwa li l-maġġoranza tal-poplu ma aċċettatx l-argumenti li għamlet l-Oppożizzjoni fuq diversi temi. Il-maġġoranza tal-poplu ma taċċettax in-negattività kontinwa u persistenti tal-Oppożizzjoni.

Il-maġġoranza tal-poplu ma taċċettax il-kwalità ta’ kritika li tipprovdi l-Oppożizzjoni. Il-maġġoranza tal-poplu ma taċċettax il-punt li l-aqwa li ssir kritika. Hemm kritika u kritika. Hemm kritika negattiva, dik li kontinwament tirrikorri għaliha l-Oppożizzjoni u hemm kritika kostruttiva, li huwa fid-dover li tagħmel l-Oppożizzjoni imma li rarament tirrikorri għaliha.

Hemm imbagħad l-attitudni li timxi biha l-Oppożizzjoni. Sfortunatament il-punt tat-tluq tal-kritika tal-Oppożizzjoni huwa fil-maġġoranza assoluta tiegħu bażat fuq il-partiġġjaniżmu. X’taħseb li jaqbel għaliha bħala partit u mhux x’jaqbel għall-pajjiż.

Il-maġġoranza tal-poplu ma tista’ tinsa qatt li meta l-pajjiż kien qed jiffaċċja kriżi bħal dik kawżata internazzjonalment mill-pandemija COVID-19 l-Oppożizzjoni Nazzjonalista flok rat kif tista’ tikkontribwixxi mal-isforzi li għamel il-Gvern, sforzi li wasslu għal riżultati pożittivi, kienet mehdija f’battalji interni dwar kif se jibdlu t-tmexxija tal-partit. Anke jekk finalment irrikorrew għal attitudni anti-demokratika għall-aħħar minkejja li libbsuha l-libsa tad-demokrazija.

Ma naħsibx li għandi nidħol fid-dettall tal-istorja dwar il-bidla fit-tmexxija Simon Busuttil/Adrian Delia/Bernard Grech. Storja magħrufa minn kulħadd u jgħidu x’jgħidu tal-Partit Nazzjonalista tibqa’ tebgħa sewda fuq is-suppost demokrazija li jiftaħru li jemmnu fiha. Aġixxew b’mod moqżież internament, bejniethom, aħseb u ara fil-konfront ta’ ħaddieħor.

VOĊIFERA. L-Arċisqof irid lill-Oppożizzjoni, lill-Partit Nazzjonalista, aktar voċiferu. L-Arċisqof iżomm lura milli jgħid b’liema mod għandu jsir hekk. Fl-intervista kif rappurtat ma ġiex kwotat b’liema mod. X’irid u x’jippretendi mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista l-Arċisqof f’dan ir-rigward?

Aktar twerżiq fil-vojt? Aktar attentati biex ikun imminat il-pajjiż fil-fora internazzjonali? Aktar attentati kontinwi fl-isferi tal-Unjoni Ewropea biex joskuraw lill-pajjiż? Aktar attentati biex inaffru l-investiment barrani? Aktar attitudni li jsir kemm isir tajjeb xorta jwerżqu li mhux isir biżżejjed?

Aktar attentati biex inessu u jaljenaw lill-poplu mill-ġid li gawda minnu tul dawn l-aħħar 10 snin?

X’irid l-Arċisqof Scicluna? Aktar attentati biex għal kull ħaġa ta’ xejn jipprovaw iniżżlu n-nies fit-toroq? X’irid l-Arċisqof Scicluna, aktar attivitajiet tal-massa provokattivi? X’irid l-Arċisqof Scicluna, aktar tixwix? Aktar diskorsi ta’ mibegħda? X’inhi l-pożizzjoni tal-Arċisqof Scicluna dwar il-mod moqżież li aġixxew bih b’pika ma’ xulxin David Casa u Peter Agius għall-proposta tal-Prim Ministru li Chris Fearne jkun nominat għal Kummissarju Ewropew?

B’hekk iridha tkun aktar voċifera lill-Oppożizzjoni l-Arċisqof Scicluna? Xi jgħid l-Arċisqof Scicluna għan-nuqqas ta’ voċiferità mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista għall-pożizzjoni li ħadet Roberta Metsola fil-Parlament Ewropew biex Malta tkun obbligata ddaħħal id-dritt tal-abort?

Mill-ġdid dwar l-EFFETTIVITÀ, imma din id-darba fil-konfront tal-Arċisqof innifsu. Kemm iħossu EFFETTIV hu personali fil-kariga li jokkupa bħala Kap tal-Knisja Maltija fil-konfront tan-niżla li qabdet il-Knisja? Kemm iħoss, jekk iħoss, li l-attitudni tiegħu personali bħala Arċisqof hija effettiva, ikkontribwiet, għas-sitwazzjoni li tinsab fiha l-Knisja Maltija? Kemm hija effettiva d-direzzjoni tiegħu bħala Arċisqof fil-konfront ta’ sitwazzjonijiet fejn qegħdin jingħalqu kunvent wieħed wara l-ieħor?

Fejn in-nuqqas ta’ vokazzjonijiet naqas drastikament? Fejn għandek parroċċi bin-numru ta’ saċerdoti fihom inqas mis-swaba ta’ id waħda minkejja l-kobor tal-popolazzjoni tagħhom? Fejn servizzi tradizzjonali u li jattiraw ir-rispett tal-poplu, bħalma huwa t-tberik tad-djar fi żmien il-Għid, l-akkumpanjament tas-saċerdot fl-ewwel parti tal-funerali, tnaqqsu jew addirittura tneħħew kompletament?

Nittama u nispera li l-Arċisqof Charles Scicluna mhux qed jara l-proposta tiegħu li l-qassisin ikunu jistgħu jiżżewġu bħala s-soluzzjoni għat-telfien fl-importanza li kellha/għandha l-Knisja Maltija u fit-tnaqqis fir-rispett lejha.

Suġġeriment tal-aħħar lill-Arċisqof Scicluna: ħares fil-mera u staqsiha x’inhu l-kontribut ta’ dak ta’ quddiemha għas-sitwazzjoni li tinsab fiha l-Knisja Maltija.

Hemm diversi punti oħrajn fl-intervista tat-Times of Malta li nittama u se nfittex ħin biex nikkummenta dwarhom.
[email protected]

Sport