Sunday, November 24, 2024

L-Arċisqof iwissi kontra l-kankru tat-tribaliżmu fil-parlament

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’għeluq il-100 sena mit-twaqqif tal-Parlament Malti dalgħodu ġiet ikkonċelebrata Quddiesa mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-KonKatidral ta’ San Ġwann. 

Preżenti għal din il-Quddiesa kien hemm l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia, eks Speakers, il-Prim Imħallef Mark Chetcuti, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra fost oħrajn. 

Ritratt Alan Saliba

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof Scicluna waqt li kien qed jindirizza lill-membri parlamentari qal: “intom ir-rappreżentanti tal-poplu eletti demokratikament. Intom ukoll il-leħen, il-qalb u l-kuxjenza tal-poplu.”

“Din mhix responsabbiltà żgħira u d-diskussjonijiet ta’ bejnietkom iridu jkunu risposta għall-għatx li l-poplu għandu għat-tajjeb, għall-veru, għas-sewwa u għall-ġustizzja,” qal l-Arċisqof. 

Ritratt Alan Saliba

Żied jgħid li l-eżempju tal-membri Parlamentari huwa importanti u essenzjali, hekk kif id-dibattiti tagħhom huma mxandra, ħafna drabi b’mod dirett. Kien hawn fejn qalilhom biex ma jaqgħux għat-tentazzjoni li “jilagħbu għall-gallerija” u ma jagħmlux “shows lanqas bil-kollega u avversarju” tagħhom. 

L-Arċisqof Scicluna kompla jgħid li din l-aċċessibilità tad-dibattiti u l-proċessi kollha li jsiru fil-Parlament hi responsabbiltà sabiex wieħed jagħti eżempju ta’ ċiviltà fid-djalogu, ta’ proprjetà fil-kliem u ta’ eżempju sabiħ fl-aġir.

Ritratt Alan Saliba

“Għaliex jekk fil-Parlament ikun hemm il-kankru tat-tribaliżmu, tal-firda, tal-pika, tal-ġlied kif nistgħu nfejqu l-ġerħat li kultant ikollna fostna fis-soċjetà?”, wissa l-Arċisqof filwaqt li awgura li l-leġislazzjonijiet li jiġu diskussi u approvati jkunu dejjem għall-ġid komuni. 

“Il-liġi qiegħda hemm biex tesprimi l-ġustizzja fis-soċjetà, ir-rettitudni fil-pajjiż. Aħna u niċċelebraw il-100 sena ta’ din l-istituzzjoni tant importanti, mhux biss nawgurawlha futur. L-appell tiegħi hu li jqumu ġenerazzjonijiet ta’ qaddejja vera li jagħtu ħajjithom bħalma tagħmlu intom għas-servizz tal-poplu u li dawk li jagħmlu l-liġijiet ifittxu mhux l-interess partikolari u partiġġjan imma l-interess u l-ġid ta’ kulħadd,” temm jgħid l-Arċisqof Scicluna. 

Sport