Thursday, December 26, 2024

L-Arċisqof jaħtar tliet Kappillani u Amministratur Parrokkjali ġodda

Aqra wkoll

L-Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar tliet Kappillani ġodda għall-parroċċi tal-Imqabba, il-Kalkara u Tal-Ibraġ kif ukoll amministratur parrokkjali ġdid għall-parroċċa tal-Balluta.

Dun Blake Camilleri Kappillan ġdid tal-Imqabba

Il-ħidma pastorali tal-parroċċa ta’ Santa Marija fl-Imqabba għaddiet f’idejn Dun Blake Camilleri, li se jservi bħala l-kappillan ta’ din il-parroċċa. Mons. Arċisqof irringrazzja lil Dun John Philip Curmi tal-ħidma tiegħu bħala kappillan f’din il-parroċċa għal dawn l-aħħar 10 snin.

Dun Blake Camilleri twieled fit-8 ta’ Mejju 1984. Beda l-mixja għas-saċerdozju fis-Seminarju Maġġuri tal-Arċisqof f’Tal-Virtù fir-Rabat u studja fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta minn fejn iggradwa fil-Filosofija u t-Teoloġija.

Kiseb ukoll Liċenzjat fit-Teoloġija Pastorali. Fl-2015 kompla l-istudji tiegħu fil-Diplomazija u Liġi Kanonika fl-Accademia Pontificia Ecclesiastica f’Ruma.

Dun Blake ġie ordnat saċerdot fit-23 ta’ Ġunju 2010. Matul is-snin huwa ġie fdat dawn il-ħidmiet: djaknu u mbagħad viċi arċipriet fil-parroċċa ta’ Marija Mtellgħa s-Sema fil-Mosta (2009-2015); viċi arċipriet fil-parroċċa ta’ Ħaż-Żebbuġ (2017); u kappillan ta’ Tal-Ibraġ (2017-2024). Fl-2023 huwa nħatar bħala eżorċista awżiljarju.

Il-parroċċa ta’ Santa Marija fl-Imqabba tiġbor fiha madwar 3,500 persuna.

Dun Nicholas Pace fdat bil-ħidma pastorali tal-parroċċa ta’ San Ġużepp fil-Kalkara

L-Arċisqof Charles Scicluna qed jafda l-ħidma pastorali tal-parroċċa ta’ San Ġużepp fil-Kalkara f’idejn Dun Nicholas Pace bħala l-kappillan ta’ din il-parroċċa.

Dun Nicholas twieled fl-1 ta’ Diċembru 1961. Beda l-mixja għas-saċerdozju fis-Seminarju Maġġuri tal-Arċisqof f’Tal-Virtù fir-Rabat u studja fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta minn fejn iggradwa fil-Filosofija u t-Teoloġija.

Dun Nicholas Pace ġie ordnat saċerdot fit-8 ta’ Lulju 1988. Matul is-snin ġie fdat dawn il-ħidmiet: viċi kappillan tal-parroċċa ta’ San Ġużepp Ħaddiem, Birkirkara (1988-1993); viċi arċipriet fil-parroċċa ta’ Ħaż-Żabbar (1993-1995); kappillan fil-parroċċa ta’ Ħal Safi (1995-2000); kappillan ta’ Birżebbuġa (2000-2013); u arċipriet tal-parroċċa taż-Żejtun (2013-2023).

Il-parroċċa ta’ San Ġużepp fil-Kalkara tiġbor fiha madwar 3,100 persuna.

Dun Brian Gialanzè se jservi bħala Kappillan f’Tal-Ibraġ

Il-ħidma pastorali tal-parroċċa ta’ Marija Immakulata Omm il-Knisja f’Tal-Ibraġ għaddiet f’idejn Dun Brian Gialanzè, li se jservi bħala l-kappillan ta’ din il-parroċċa.

Dun Brian Gialanzè twieled fit-30 ta’ Jannar 1974. Beda l-mixja għas-saċerdozju fis-Seminarju Maġġuri tal-Arċisqof f’Tal-Virtù fir-Rabat u studja fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta minn fejn iggradwa fil-Filosofija u t-Teoloġija.

Kiseb ukoll Liċenzjat fit-Teoloġija Pastorali. Bħalissa qed ikompli l-istudji tiegħu fis-Soċjoloġija fl-Università ta’ Malta. Jagħmel parti mill-grupp Colloquium of European Parishes.

Dun Brian ġie ordnat saċerdot fl-1 ta’ Lulju 2014. Matul is-snin huwa ġie fdat dawn il-ħidmiet: djaknu fil-parroċċa ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid (2014); viċi kappillan fil-parroċċa ta’ San Sebastjan f’Ħal Qormi (2015-2017); chaplain fil-Kulleġġ San Injazju (2015-2017); u kappillan tal-parroċċa tal-Kalkara (2017-2024).

Il-parroċċa ta’ Marija Immakulata Omm il-Knisja f’Tal-Ibraġ tiġbor fiha madwar 13,000 persuna.

Il-parroċċa tal-Balluta taħt il-gwida ta’ Dun Joshua Cortis

L-Arċisqof Charles Scicluna se jafda t-tmexxija tal-ħidma pastorali tal-parroċċa tal-Madonna tal-Karmnu fil-Balluta f’idejn Dun Joshua Cortis, li se jkun l-amministratur parrokkjali ġaladarba l-kura pastorali ta’ din il-parroċċa tgħaddi minn idejn l-Ordni Karmelitan għal għand l-Arċidjoċesi ta’ Malta.

Dun Joshua Cortis twieled fit-23 ta’ Diċembru 1987. Wara li ggradwa b’Baċellerat fil-Kimika u l-Bijoloġija, beda l-mixja għas-saċerdozju fis-Seminarju Maġġuri tal-Arċisqof f’Tal-Virtù fir-Rabat u studja fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta minn fejn iggradwa fil-Filosofija u t-Teoloġija. Kiseb ukoll Liċenzjat fit-Teoloġija Pastorali.

Dun Joshua ġie ordnat saċerdot nhar it-8 ta’ Mejju, 2021. Matul is-snin ġie fdat dawn il-ħidmiet: djaknu u bħala viċi kappillan f’San Ġiljan (2020-2024); u direttur spiritwali tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke (2022-2024).

Il-parroċċa tal-Madonna tal-Karmnu fil-Balluta tiġbor fiha madwar 5,200 persuna.

Ekonomija

Sport