Sunday, January 19, 2025

L-Arċisqof jappella lill-koppji Maltin biex ikunu aktar proattivi fil-promozzjoni tal-barka tal-ulied

... Ifaħħar l-inċentivi tal-gvern fil-budget bħala pass 'il quddiem

Aqra wkoll

Fl-okkażjoni tal-50 anniversarju ta’ Malta Repubblika, saret quddiesa pontifikali ta’ ringrazzjament fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, li kienet ikkonċelebrata mill-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna. Preżenti għal din il-quddiesa kien hemm il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono u l-Prim Ministru Robert Abela, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u d-Deputat Speaker David Agius fost oħrajn.

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof stqarr li għandna nħarsu lura b’sens ta’ gratitudni għall-progress li sar fi ħdan l-istituzzjonijiet demokratiċi tal-gżejjer tagħna. “Għandna niftakru fis-servizz ta’ siwi kbir li tant politiċi taw lill-pajjiż, nies li jaħdmu f’fergħat differenti tal-Gvern, il-ġudikatura, is-servizz ċivili, l-armata, il-pulizija u membri ta’ entitajiet oħra ta’ dixxiplina u infurzar,” qal l-Arċisqof.

Huwa kompla jgħid li għandna nirrikonoxxu r-rwol dejjem jikber tas-soċjetà ċivili u l-kontribut importanti ta’ għaqdiet mhux governattivi f’diversi oqsma li jvarjaw mis-servizz soċjali, għad-drittijiet tal-bniedem, għall-ambjent u għall-ġustizzja. Fl-istess waqt, irridu nagħrfu wkoll il-kontribut ta’ komunitajiet reliġjużi li jippromwovu l-ġid u l-benessri tas-soċjetà f’diversi modi.

L-Arċisqof tenna jgħid li llum mhux biss huwa jum ta’ gratitudni, imma wkoll jum ta’ tama. “Nittama li nistgħu nkomplu nikbru bħala nazzjon modern waqt li nżommu l-valuri li sawru lil Malta u lil Maltin bħala nazzjon partikolari.”

Huwa rrefera wkoll għall-fatt li llum għandna l-aktar rata tat-twelid baxxa fl-Unjoni Ewropea. Qal li rridu naħsbu dwar l-għeruq u l-kawża ta’ dan kollu u fl-interess tal-wirt tagħna u l-preservazzjoni tal-etniċità tagħna, jeħtieġ li nkunu proattivi fil-promozzjoni tal-barka tal-ulied fil-familji tagħna.

L-Arċisqof irrikonoxxa li l-aħħar inċentivi fil-budget tal-Gvern kienu pass tajjeb ‘il quddiem. Qal li għandna bżonn li l-koppji żgħar iħarsu b’tama u fiduċja lejn il-futur waqt li qed jippjanaw ħajjithom flimkien u jwettqu l-vokazzjoni naturali tagħhom li jsiru ġenituri: ommijiet u missirijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri tagħna.

“Pagi ġusti, akkomodazzjoni affordabbli, rikonoxximent lejn il-kontribut tal-ommijiet u l-missirijiet li jieħdu ħsieb ta’ wliedhom, servizzi soċjali anċillari, u faċilitajiet ta’ kura u ħarsien: dawn huma wħud mill-inizjattivi li r-Repubblika tagħmel tajjeb li tinkoraġixxi sabiex tissalvagwardja u tiggarantixxi l-futur tagħha.”

“X’se tkun kisbet ir-Repubblika jekk tagħmel progress ekonomiku u tirriforma l-istituzzjonijiet tagħha imma ma tipprovdix għad-don tal-ġenerazzjonijiet futuri?,” kompla jistaqsi l-Arċisqof.

Temm jgħid li f’din il-ġurnata rridu nsaqsu lilna nfusna min se jkun qiegħed jirrappreżenta l-identità Maltija u jxejjer il-kuluri nazzjonali ta’ pajjiżna meta l-ġenerazzjoni tagħna tispiċċa, u min se jkun hemm li kburi jiddikjara li din il-gżira “art ħelwa” li tgħożż l-identità tagħha u li toffri kenn għall-ħajja, l-imħabba u għal ġensha.

“Aħna mhux se nkunu hemm. Għalhekk, f’dan il-jum, nappella lil ħuti Maltin biex jitolbu li d-dixxendenti tagħna jkunu hemm meta jiġi ż-żmien biex ngħaddulhom it-tmun tat-tmexxija ta’ pajjiżna.”

YouTube video

Sport