Waqt il-quddiesa f’Jum l-Uffiċjali Korrettivi ta’ Kordin, l-Arċisqof Charles Scicluna tkellem dwar il-bżonn li l-bniedem jgħix ta’ nies u l-bżonn li nagħtu kont ta’ għada. “Li inti tgħix ta’ nies mhux biss jagħmlek nies hawn, iżda jippreparak għal dak li huwa tiegħek, il-ħajja ta’ dejjem”, tenna Scicluna.
L-Arċisqof kkwota frażi tal-Papa Franġisku li jħobb jgħid li l-kefen m’għandux bwiet, iġifieri meta mmutu ma nieħdu xejn magħna għajr l-imħabba li tkun xerridt f’din id-dinja.
F’indirizz lill-membri tal-aġenzija tas-servizzi korrettivi u anke l-uffiċjali korrettivi nfushom, Scicluna enfasizza dwar il-bżonn li nirrispettaw id-dinjità ta’ kulħadd, għax ħadd mhu perfett.
Huwa saħaq dwar il-bżonn tas-servizz li joffru dawn l-uffiċjali għar-rijabilitazzjoni li hemm bżonn biex il-persuni jkunu żgarraw, ikunu jistgħu jirritornaw mill-ġdid fis-soċjetà. Intant huwa appella għal etika u prinċipji ta’ moralità waqt il-ħidma tagħhom.