Thursday, March 12, 2026

L-Arċisqof Scicluna se jfakkar l-ewwel anniversarju mill-mewt ta’ Mons. Pawlu Cremona

Aqra wkoll

Fl-okkażjoni ta’ għeluq l-ewwel sena mill-mewt tal-Arċisqof Emeritus ta’ Malta, Mons. Pawlu Cremona OP, l-Arċisqof Mons. Charles J. Scicluna ser jiċċelebra quddiesa requiem, nhar it-18 ta’ Marzu 2026, fis-6:30pm fil-Knisja ta’ Sidtna Marija tal-Għar ir-Rabat, fejn jinsabu wkoll midfuna l-fdalijiet ta’ Mons. Cremona. Wara l-Arċisqof, akkumpanjat mill-Provinċjal P. Vince Micallef OP, ser jinawgura esebizzjoni permanenti fil-mużew tal-kunvent, li jinsab propju f’waħda mis-swali tal-kjostru.

Mons. Cremona twieled il-Belt Valletta fis-26 ta’ Jannar 1946 u tgħammed fil-Parroċċa Dumnikana ta’ Sidtna Marija tal-Portu Savlu, il-Belt Valletta. Fl-1962 ingħaqad mal-Ordni tal-Predikatur u beda l-formazzjoni tiegħu fil-Kunvent ta’ Sidtna Marija tal-Għar, ir-Rabat, fejn imbagħad serva aktar tard bħala għalliem, pirjol, surmast tal-istudenti u saħansitra provinċjal. F’Diċembru tal-2006, waqt li kien iservi ta’ kappillan għall-Parroċċa ta’ Ġesù Nazzarenu f’Tas-Sliema, huwa ġie nnominat mill-Papa Benedittu XVI bħala arċisqof ta’ Malta u ġie kkonsagrat minn Mons. Ġużeppi Mercieca fis-26 ta’ Jannar 2007 fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. Mons. Cremona kien isqof maħbub minn kulħadd u mfittex ferm mill-poplu. Minħabba raġunijiet ta’ saħħa huwa rriżenja fis-17 ta’ Ottubru 2014 u rtira fil-Kunvent ta’ Sidtna Marija tal-Għar, ir-Rabat. Wara xi żmien ta’ mard, Mons. Cremona miet fit-18 ta’ Marzu 2025, fl-Isptar Mater Dei. Il-funeral sar nhar it-22 ta’ Marzu, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, b’ġemgħa sabiħa ta’ nies tagħtih l-aħħar tislima fit-toroq tal-Belt Kapitali. Il-fdalijiet tiegħu ndifnu, skont xewqtu, fil-kappella tal-Kurċifiss fil-knisja Dumnikana tar-Rabat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport