Il-gvern qed jagħmel tajjeb li jara kif jgħin lil dawk li kellhom id-dar jew l-attrezzi kummerċjali tagħhom meqruda bla mistenni mill-maltempata Harry. Sadattant, qamet il-mistoqsija: Min se jibbenefika minn dan il-kumpens? Jew: min se jibbenefika l-aktar?
Kulħadd jaqbel mal-argument li fejn kien hemm kuntratti ta’ assigurazzjoni validi, huma l-kumpaniji tal-assigurazzjoni li għandhom jikkumpensaw lil min intlaqat ħażin, ċittadini privati u azjendi.
Bil-fors li jqumu mistoqsijiet oħra u dubji dwar dan – għax hemm ċittadini privati u azjendi li jkunu assiguraw ruħhom, u oħrajn li le. Allura l-gvern se jkun qed jgħin “biss” lil dawk li ma kinux prudenti “biżżejjed”?
Madankollu l-aktar kumment qawwi li nstema’ kien ta’ dawk li qamu biex igħidu: il-gvern bl-għajnuniet xierqa tiegħu m’għandux iservi ta’ spalla għal min kiser il-liġi billi tella’ attrezzi kummerċjali bla permess u issa jiġi jitlob kumpens għalihom. Dan l-argument jixraqlu jingħata widen.
FIDUĊJA
X’inhu li f’livell soċjali u politiku jagħti fiduċja f’ħaddieħor: Dak li hu/hi u l-partit tiegħu/tagħha jgħidu u jagħmlu? L-għajta ideoloġika komuni? Etnika, reliġjon, professjoni komuni? Familja?
Drajna nisimgħu twissijiet u pariri biex ma nafdawx lil dak jew lill-ieħor, partit jew persuna… lil ħadd.. għax…
Imbagħad jirriżulta li minkejja dak li jintqal, maġġoranza enormi tan-nies taċċetta dak li jgħidulha, tafda f’min qed jgħidulha. Il-problema… jew l-isfida hi kif toħloq kriterji aċċettabbli għal kulħadd, dwar xinhu meħtieġ biex il-fiduċja tingħata. L-isfida tqum fl-aspetti kollha tal-ħajja soċjali mal-komunità, inkluża l-ħajja familjari u personali.
KIF TINNAVIGA
Il-gvern għandu raġun jargumenta li l-pajjiż irid ikun prudenti – mingħajr ma jiċħad in-newtralità tiegħu – f’kif jippożizzjona ruħu meta l-amministrazzjoni Amerikana tressaq il-proposti tagħha. Ħafna jqisuhom bħala stravaganti fl-oqsma tal-ekonomija internazzjonali, tad-diplomazija u tad-drittijiet tal-bniedem. Ma jagħmilx sens li Malta tidħol bħala xi protagonist tal-qdusija fi kwistjonijiet imbiegħda fejn m’għandha l-ebda leħen jew sehem dirett u siewi. U dan b’dannu għall-interessi nazzjonali fil-mod kif qed jinbnew proġetti utli bejn Malta u l-Istati Uniti.
Għandhom raġun dawk li jargumentaw li bħala pajjiż newtrali u ċkejken, Malta għandha tisħaq fuq il-ħtieġa li r-relazzjonijiet bejn l-istati jinżammu f’rispett tad-dritt internazzjonali u japplikaw għal kulħadd bl-istess mod, il-kbar daqs iż-żgħar – ir-Russja daqs l-Istati Uniti – Iżrael daqs l-Iran. Isostnu bir-raġun, li l-Istati Uniti llum m’għadhomx isegwu din id-dutrina u Malta ma tistax tinjora dil-ħaġa.
Jidhirli li d-differenza apparenti bejn dawn iż-żewġ perspettivi tista’ tingħeleb bi prudenza ċara u onesta fil-mod kif il-gvern Malti jinnaviga diplomatikament biex jistqarr u jwettaq il-politika tiegħu.

