L-Arkivji tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi huma minjiera bla tarf ta’ rikkezza storika. Fihom wieħed isib mijiet ta’ eluf ta’ pjanti, mapep u disinji ta’ diversi postijiet u artijiet madwar il-gżejjer Maltin. Dawn l-elementi jmorru lura sa mill-ħakma Ingliża bejn is-snin 1800 – 1964.
Proprju f’dawn l-aħħar ġimgħat tnieda proċess sabiex dawn l-arkivji jkollhom mezzi ġodda u moderni, bil-materjal kollu jkun maħżun b’mod diġitali u fl-istess waqt ikun aktar aċċessibbli għall-pubbliku Malti u Għawdxi. Dwar dan u aktar tkellimna mal-Maniger tal-Arkivji fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, is-Sur Stephen Tabone.
Huwa beda biex spjega li dawn “it-teżori” jgħabbuhom b’responsabbiltà kbira sabiex jippriservawhom, kif ukoll sabiex permezz tal-ħidma kollettiva jsostnu l-livell u l-professjonalità f’ħidmiethom. “Ninsabu fil-proċess biex naraw kif jista’ jkollna arkivji aktar moderni li jtejbu l-konservazzjoni u jippriservaw din il-minjiera ta’ għerf u informazzjoni u biex tinħoloq database fuq GIS sabiex il-pjanti kollha jiġu rreġistrati,” qal is-Sur Tabone.
Fost il-materjal disponibbli li wieħed isib f’dawn l-arkivji hemm: l-AubergeAuberges Baviere, Auberge de Castille, D’Aragon, D’Italie, De Provence, Teatru Rjal, Kon-Katidral ta’ San Ġwann, Funtani Pubbliċi, Ġonna pubbliċi – Argotti, Għases tal-Pulizija, Lighthouses, Victoria Gate, Akwadotti, Shelters Pubbliċi u mtieħen tal-qamħ.
Fil-kummenti tiegħu, is-Sur Tabone tenna li “bla dubju l-arkivji tagħna minn dejjem kienu speċjali għalina, mhux biss għall-valur storiku imma wkoll għal minjiera ta’ għerf u informazzjoni li hemm maħżuna fihom.”
“Għalkemm l-arkivji tagħna minn dejjem kienu disponibbli għal kull min kellu bżonnhom, madankollu konxji li m’hemmx għarfien pubbliku biżżejjed dwarhom. U proprju għalhekk li dan l-aħħar tellajna esebizzjonijiet varji sabiex inwasslu għarfien lill-pubbliku u nagħmluh konxju dwar il-patrimonju li għandna,” huwa żied jgħid.
Minbarra l-pubbliku inġenerali, dan il-materjal huwa mfittex ukoll minn dipartimenti oħra tal-Gvern, studenti terzjarji, studenti universitarji, riċerkaturi tal-istorja ta’ Malta, entitajiet pubbliċi, awtoritajiet pubbliċi, periti privati, nutara u anke avukati.
Mistoqsi dwar l-operat u l-iskennjar ta’ dan il-materjal, is-Sur Tabone qalilna li l-pjanti l-ewwel jiġu sfoljati separatament, issir it-tiswija fejn meħtieġ u l-pjanti jintmesħu mill-għabra li jista’ jkollhom.
Il-pjanti mbagħad jitpoġġew ġewwa l-iscanner u ssir kopja diġitali tagħhom. Sussegwentement il-pjanta tidħol f’kexxun b’materjal apposta biex tiġi protetta milli ssirilha aktar ħsara. il-pjanta m’għandhiex għalfejn terġa’ toħroġ minn postha ġaladarba jkun ittieħdet kopja diġitali tagħha, ħlief f’każijiet eċċezzjonali.
“L-iskop tal-Arkivji fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi huwa li jgħożż din ir-rikezza. Aħna nagħmlu l-almu tagħna sabiex kull min jitlob xi informazzjoni mill-arkivji ngħinuh bl-aħjar mod possibbli.
“Il-proċess ta’ diġitalizzazzjoni huwa kruċjali sabiex nippreservaw il-materjal kollu għall-ġenerazzjonijiet futuri. L-għan aħħari hi ż-żamma tal-materjal u permezz ta’ indiċi speċifikat li jiffaċilita r-riċerka tal-akkademiċi, professjonisti u tal-pubbliku inġenerali,” temm jgħid il-Maniġer responsabbli mill-Arkivji fi ħdan id-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi.