Sunday, December 22, 2024

L-ARM WRESTLING … DIXXIPLINA LI F’PAJJIŻNA SE TMUT QABEL TITWIELED?

Aqra wkoll

Huwa fatt magħruf li ċertu dixxiplini sportivi qegħdin jiġbdu interess pubbliku aktar minn oħrajn. Dan ma jfissirx li tal-aħħar huma inqas importanti imma għad mhumiex rikonoxxuti biżżejjed kemm mill-pubbliku u anke mill-awtoritajiet innifishom.

Jeżistu każijiet individwali li jeħtieġu aktar attenzjoni u għaldaqstant għajnuna biex ikomplu jiffjorixxu u jikbru fid-dixxiplina tagħhom. Ħafna drabi dawn il-kisbiet, għalkemm ikun ta’ prestiġju personali, b’danakollu magħhom ikun qiegħed igawdi n-nazzjon kollu billi huma jkunu qegħdin iġorru magħhom il-bandiera tal-pajjiż, l-iktar meta jikkompetu barra minn xtutna.

Ta’ dan hemm iktar minn eżempju wieħed bħal pereżempju l-isforzi ta’ Kersten Mercieca li qiegħed jipprova jrawwem f’pajjiżna l-isport tal-arm wrestling. Forsi dan huwa xi ħaġa ġdida għal pajjiżna, iżda f’pajjiżi oħra huwa dixxiplina popolari.
Fil-fatt Mercieca kellu jiġi rikonoxxut bħala atleta professjonali f’din id-dixxiplina minn kompetizzjoni li saret fil-pajjiż ġar tagħna tal-Italja meta huwa rnexxielu jniżżel lill-kompetituri l-oħrajn wieħed wara l-ieħor u b’hekk naqqax isem pajjiżna billi rebaħ il-midalja tad-deheb minn fost kompetituri stabbiliti oħra.

Għalhekk għalkemm wieħed japprezza s-suċċess li wettaq dan, ma nistgħux ma ngħidux illi dan ma sab ebda għajnuna biex jasal fejn wasal. Għalhekk nemmnu li huwa importanti illi kull dixxiplina sportiva, kbira jew żgħira, għandha tingħata mhux biss rikonoxximent imma kull għajnuna possibbli biex dawn l-atleti jkomplu jimxu ‘l quddiem.

Bir-rebħa tiegħu fl-Italja huwa kiseb postu f’kompetizzjoni oħra ta’ livell akbar, li tirrikjedi eluf ta’ ewro biex hu jkun jista’ jipprepara u jipparteċipa fiha bl-aħjar mod possibbli.

Minkejja dan is-suċċess u minkejja t-talbiet tiegħu għall-għajnuna, huwa ma kellu l-ebda tweġiba pożittiva tant li ddikjara li kien qalbu maqtugħa li din id-dixxiplina tiġi rikonoxxuta qabel ma jkun tard wisq għalih u jibża’ wkoll li l-isforzi tiegħu jisfumaw fix-xejn.

Naqblu li għandu jkun hemm mezzi regolatorji ta’ kif ikunu megħjuna għaqdiet sportivi imma nemmnu wkoll li dawn m’għandhomx ikunu riġidi tant li jiskoraġixxu attentati individwali speċjalment f’dixxiplini li ma jkunux daqstant kbar jew popolari fost il-pubbliku għaliex kull għajnuna tgħodd anke fil-qasam sportiv.

Ma jistax ikun iktar li jibqa’ jkollna sitwazzjonijiet fejn individwi jkollhom jirrikorru għall-mezzi tal-istampa u jitkarrbu biex jingħataw xi forma ta’ għajnuna finanzjarja u aktar u aktar l-opportunità li jsiru aktar magħrufa għal dak li jkunu qegħdin jiksbu.

Aħna nħossuna kburin li konna minn ta’ quddiem biex ngħinu lil Mercieca bil-pubbliċità li tajnieh u hekk ukoll lesti nagħmlu ma’ kwalunkwe dixxiplina sportiva li tkun teħtieġ l-attenzjoni u l-għajnuna pubblika.

Ekonomija

Sport