Tuesday, December 24, 2024

L-art tal-Victor Tedesco Stadium f’idejn Ħamrun Spartans għad 49 sena li ġejjin

Aqra wkoll

Ġie ffirmat ftehim bejn il-Gvern ċentrali u Ħamrun Spartans Football Club li permezz tiegħu l-art tal-Victor Tedesco Stadium ser tgħaddi f’idejn l-istess klabb b’ċens ta’ 49 sena.

Il-viżjoni tal-klabb hija li l-Victor Tedesco Stadium ikun trasformat f’ċentru sportiv li minnu tgawdi l-komunità kollha, għaliex huwa ppjanat li l-faċilitajiet mhux biss jintużaw mill-Klabb tal-Ħamrun Spartans, imma wkoll min-Nursery tal-klabb u mill-istudenti tal-iskejjel.

Ħamrun Spartans Football Club se jibbenefikaw wkoll mill-iskema tal-Gvern li permezz tagħha l-klabb jingħata sussidju fuq il-kera, kif isir ma’ klabbs li jingħataw art tal-gvern għal skop sportiv. Il-ħlas sussidjat tal-kera se jmur f’fond, amministrat minn SportMalta, li permezz tiegħu se jkompli jibbenefika s-settur sportiv.

Il-President ta’ Ħamrun Spartans Football Club, is-Sur Joseph Portelli ddeskriva dan il-ftehim bħala wieħed li se jkompli jgħolli l-livell tal-Klabb fuq skala professjonali. “Nemmen bi sħiħ li dan il-ftehim huwa pass ieħor biex il-ħolma ta’ din l-Amministrazzjoni ssir realta. Il-komunità Ħamruniża jixraqilha faċilitajiet sportivi tal-ogħla livell li jagħtu ġieħ mhux biss lill-partitarji Ħamruniżi iżda wkoll lill-futbol Malti b’mod inġenerali,” kompla jgħid il-President Joseph Portelli.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, li ppresieda l-iffirmar tal-ftehim, qal, “Il-ftehim tal-lum mhux biss huwa parti mill-viżjoni tal-Gvern li jgħin b’kull mezz possibbli lill-Klabbs u Għaqdiet Sportivi, imma huwa appoġġ għal din il-viżjoni, u wkoll parti mill-politika tal-Gvern li jgħin lil Assoċjazzjonijiet u Klabbs Sportivi biex jiżviluppaw u jkabbru l-operat tagħhom”.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, Mark Cutajar qal li l-ftehim se jsaħħaħ l-operat tal-klabb. “Meta għandek klabbs u assoċjazzjonijiet sportivi li huma b’saħħithom u li huma stabbli, dawn iħallu ġid fis-soċjetà Maltija, ġid fit-tfal tagħna”.

Ekonomija

Sport