Sunday, December 22, 2024

L-ARTI IKONA TAL-IDENTITÀ MALTIJA

Aqra wkoll

L-inawgurazzjoni taż-żona tal-kunċerti f’Ta’ Qali kompla kabbar ir-reputazzjoni ta’ Malta fejn jidħlu kunċerti internazzjonali. Għaliex minbarra l-Fosos tal-Floriana u bnadi oħra fil-pajjiż, issa żdiedet din il-faċilità aktar moderna fejn l-artisti kemm lokali u anke dawk internazzjonali jistgħu jagħtu spettakli quddiem folol kbar ta’ nies.

Apparti hekk, din iż-żona mhux se tkun biss għal-kunċerti imma se tkun tista’ sservi ta’ żvog għall-familji Maltin biex jirrikreaw ruħhom. Dan kollu juri wkoll l-impenn tal-awtoritajiet li jinvestu fit-talent lokali billi fost oħrajn joffru faċilitajiet adegwati bil-għan li jintlaħqu dawn l-iskopijiet.

Fl-isfond ta’ dan kollu, ma nistgħux ma nsemmux kif sal-aħħar ta’ Mejju se tibqa’ għaddejja l-ewwel edizzjoni tal-maltabiennale.art. Anke f’dan ir-rigward rajna r-reputazzjoni ta’ Malta tkompli tiżdied tant li diversi artisti ta’ fama minn diversi pajjiżi komplew kattru l-qasam tal-arti f’pajjiżna, fejn bil-parteċipazzjoni tagħhom fil-maltabiennale esponew xogħlijiet minn pajjiżhom li ma konniex rajniehom qabel.

Fil-ġimgħat li ġejjin ukoll se jkun qiegħed jingħata aġġornament b’rabta max-xogħlijiet li għaddejjin fuq il-proġett tal-MICAS, li se jkun l-ewwel spazju nazzjonali ddedikat b’mod esklussiv għall-arti kontemporanja. L-interess f’dan il-proġett huwa wieħed kbir anke minn artisti barranin.

Hawn qed nitkellmu fuq proġett mifrux fuq medda ta’ art ta’ 13-il tomna, li bis-saħħa tal-kultura se jkunu qegħdin jingħataw lura lill-pubbliku Malti u Għawdxi f’binja mill-isbaħ.

Inħarsu ‘l quddiem għat-tlestija ta’ proġetti ta’ din ix-xorta li jkomplu jkattru u jsaħħu l-valur tal-arti u l-kultura f’pajjiżna. Għaliex kif qal tajjeb il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, x’hemm isbaħ milli tuża l-kultura biex issaħħaħ is-sostenibilità ta’ dan il-pajjiż. Sostenibilità anke għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin… għal dawk li jridu jimirħu aktar f’dan is-settur tant importanti għat-tisħiħ tas-soċjetà tagħna.

Ekonomija

Sport