Monday, May 6, 2024

“L-artisti tagħna se jibdew igawdu mill-aqwa livell ta’ protezzjoni ta’ libertà artistika”

- Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Hekk kif dawn l-emendi jidħlu fis-seħħ, l-artisti tagħna se jibdew igawdu mill-aqwa livell ta’ protezzjoni ta’ libertà artistika li qatt gawdew fl-istorja ta’ pajjiżna.” Qal dan il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici hekk kif bdiet id-diskussjoni fl-istadju tat-tieni qari dwar l-abbozz ta’ liġi li se jkompli jsaħħaħ il-libertà tal-espressjoni artistika.

Il-Ministru Bonnici spjega li b’dawn l-emendi, sakemm l-espressjoni ma tikkostitwixxix theddid kredibbli u realistiku għal-libertà jew għas-sigurtà personali tal-persuna offiża allura dik l-espressjoni artistika hija libera u ħielsa. Qal li l-mira tal-Gvern hi li dawn l-emendi jidħlu fis-seħħ qabel il-Parlament jaġġorna għall-btajjel tas-sajf.

Huwa rrimarka li l-Gvern huwa favur l-artisti għaliex b’konvinzjoni jemmen fir-rwol importanti ferm li huma għandhom f’soċjetà demokratika. Fakkar li din il-ġlieda favur il-libertà tal-espressjoni artistika ma bdietx illum u fost oħrajn semma kif mill-2013 ‘il quddiem tneħħew ħafna liġijiet ta’ natura kriminali antiki li l-iskop li kien fadlilhom kien li jintużaw minn xi ħadd bħala arma kontra l-artisti.

Biss wara dan kollu, huwa qal li xorta kien hemm min qabad żewġ provvedimenti ta’ natura kriminali fil-liġijiet tagħna li għandhom l-għan li jipproteġu s-soċjetà minn wieħed li jhedded lill-ieħor bil-fomm jew pereżempju bil-mobile jew bil-facebook, u dawwarhom f’arma kontra artisti li tellgħu stand up comedy.

“Kieku min ħassu inġurjat għażel it-triq tar-rimedju ċivili – anke jekk xorta wieħed irid jitfa’ piz kbir fuq ir- rwol tal-artist f’soċjeta’ demokratika u wieħed irid jirrifletti ħafna qabel jagħmel pass hekk – forsi kont ngħid isma’ anke jekk ma naqbilx fl-aħħar tal-ġurnata din hi kwistjoni ta’ natura ċivili.

“Imma li wieħed iressaq il-Qorti l-artisti daqs li kieku huma kriminali, sempliċement għax kienu qed jagħmlu xogħolhom – kif inhu d-dmir tagħhom li jagħmlu – hemmhekk ma stajtx noqgħod kwiet. Hawn qed nitkellmu fuq provvedimenti penali li f’każ ta’ sejbien ta’ ħtija dwarhom jistgħu jwasslu għal multi anke kbar u, on paper, anke għal ħabs,” qal il-Ministru Bonnici.

Kien hawn fejn saħaq li din kienet linja ħamra li ma kellha qatt tinqabeż fil-konfront tal-artisti tagħna. Linja ħamra li skorti sħaħ ta’ sentenzi Ewropej ilhom snin jgħidu li m’għandha qatt tinqabeż.

Il-Ministru Bonnici rrefera wkoll għal xi mistoqsijiet li jista’ jkun hemm bħal: “m’hemm ebda linja ħamra fejn jidħol l-artist? Jista’ dan jesprimi ruħu u jgħid li jrid u ħaddieħor għax mhux artist ma jistax?”.

Huwa ċċara li biex ikun hemm din il-protezzjoni legali, l-artist irid ikun qed jagħmel espressjoni artistika. Jekk bħala parti minn dik l-espressjoni artistika, l-artist jinsulta lil xi ħadd, dan l-insult ma jistax imbagħad ikun tali li jkun riżultanti f’theddid kredibbli u realistiku għal-libertà jew għas-sigurtà personali tal-persuna offiża. Apparti minn hekk, xorta baqgħu fis-seħħ il-provvedimenti kontra l-hate speech.

Il-Ministru Bonnici enfasizza li: “Dak li qed nagħmlu llum huwa pass ieħor ‘il quddiem favur l-espressjoni artistika u allura favur il-libertà tal-espressjoni kollha kemm hi u se tingħaqad mal-kullana ta’ liġijiet li wettaqna, partikolarment f’dawn l-aħħar żewġ leġiżlaturi u din li qegħdin fiha fejn hekk kif tgħaddi l-liġi inkunu nistgħu ngħidu li qatt daqs illum ma l-artist Malti ma qatt gawda minn protezzjoni hekk wiesgħa tal-libertà tal-espressjoni.”

“L-arti f’pajiżna m’għandha qatt tħossha beżgħana jew sick at heart. B’dawn l-emendi se nagħmlu pass ieħor ta’ riforma b’saħħitha mmens li aħna kburin biha. Dan hu Gvern progressiv u li dejjem lest jimplimenta l-bidla. Irridu soċjetà libera li temmen fil-libertà tal-ħsieb u tal-espressjoni, dik hi s-soċjetà li rrid ngħix fiha. U din it-tip ta’ soċjetà aħna se nkunu qed insawru,” temm jgħid il-Ministru Owen Bonnici.

“L-espressjoni artistika hi dik li twassal għal-libertà vera” – Julie Zahra
Min-naħa tagħha, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Julie Zahra qalet li jekk noħonqu l-libertà tal-espressjoni artistika, allura s-sabiħ tal-ħajja jibqa’ jintilef ukoll. Qalet li l-artist għandu d-don li jwassal b’mod kreattiv.

“Wara kollox, l-espressjoni artistika hi dik li twassal għal-libertà vera. Għalhekk se nkunu qegħdin nivvutaw favur. Nittama li pajjiżna llum għamel pass ieħor ‘il quddiem,” żiedet tgħid l-Onor. Zahra.

“Gvern riformista li kontinwament jiġġieled l-istatus quo”
Fil-winding up, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri stqarr li permezz ta’ din il-liġi, qed tissaħħaħ il-libertà artistika ġewwa pajjiżna.

Huwa saħaq li arti mingħajr il-libertà tal-artist li jesprimiha, mhi arti xejn, filwaqt li l-arti u l-libertà tal-espressjoni artistika huma parti integrali mid-demokrazija tagħna.

Il-Ministru Camilleri enfasizza li din il-liġi tikkonferma kemm dan huwa Partit u Gvern riformista li kontinwament jiġġieled l-istatus quo. Qal li bħala Gvern se jkomplu jaħdmu sabiex mhux biss isaħħu d-drittijiet tal-artisti imma jkomplu jsaħħu d-dritt tal-espressjoni artistika ġewwa pajjiżna.

Sport