L-atleta Olimpika mill-Belarus li rrifjutat l-ordnijiet li ngħatat mit-tim tagħha biex titlaq lura lejn pajjiżha telqet mill-Ġappun.
L-atleta żagħżugħa ta’ 24 sena, qabdet titjira lejn Vjenna kmieni l-Erbgħa filgħodu.
Hija kienet mistennija li ttir dirett lejn il-Varsavja peress li l-Polonja ħarġitilha viża umanitarja, iżda skont uffiċjali mill-ajruport jidher li l-atleta bidlet id-destinazzjoni tagħha fl-aħħar minuta.
Iż-żagħżugħa esprimiet biża’ għas-sigurtà tagħha wara li ġiet sfurzata tippakkja u ttieħdet lejn l-ajruport ta’ Haneda f’Tokyo l-ġimgħa l-oħra. Dan seħħ wara li hi kkritikat lill-kowċis tagħha.
Hija ngħatat protezzjoni mill-Pulizija qabel ma ttieħdet fl-ambaxxata Pollakka f’Tokjo, fejn inżammet sakemm ma mbagħad marret l-ajruport ta’ Narita l-Erbgħa filgħodu.
Il-Belarus qal li tneħħiet mit-tim nazzjonali minħabba l-istat emozzjonali tagħha, imma ż-żagħżugħa qalet li ma ssofri mill-ebda problemi ta’ saħħa mentali u li ma kellmet l-ebda tobba fil-villaġġ Olimpiku.
Hija elaborat li kienet sorpriża meta semgħet l-uffiċjali tagħha jgħidulha li kellha żżarma kmieni għax hi sostniet li ma qalet xejn b’rabta politika. Hija saħqet li tħobb pajjiżha u li ma traditux, iżda minħabba din il-kwistjoni tibża’ li se jkollha tistenna bejn ħamsa u għaxar snin biex tirritorna.