Saturday, December 21, 2024

“L-atletika għażlet lili u mhux jien għażilt l-atletika” – Nicole Attard Glivau

Aqra wkoll

Kif għażilt l-atletika fost minjiera ta’ sports ieħor? 

Nista’ ngħid li l-atletika għażlet lili u mhux jien għażilt l-atletika. 

Minn dejjem kienet l-hena tiegħi li noqgħod intellaq kontra sħabi fil-breaks tal-iskola primarja. 

Ħadd mill-bniet ma kien ikun irid jikkompetili miegħi għax dej­jem kont nirbaħ u għalhekk kont nispiċċa nikkompeti kontra s-subien.

Kont nisma’ ħafna kummenti wkoll, li jien suppost għandi noqgħod bilqiegħda nitkellem u nilgħab mal-bniet l-oħra għaliex il- ġiri huwa sport tas-subien biss. 

Ta’ kemm bdejt tipprattikka l-atletika?

Bdejt nipprattika l-atletika ta’ tmien snin meta kont fir-raba’ sena tal-Primarja.

X’ħeġġek l-iktar biex tibda tipprattika dan l-isport?

L-għalliema tal-edukaz­zjoni fiżika kienet l-unika persuna li dejjem immotivatni fl-iskola u kienet tagħżilni biex nirrapreżenta l-iskola primarja ta’ Bir­żebbuġa fil-cross countries li kienu jsiru kull sena.

It-tliet darbiet li ħadt    sehem fihom, ġejt l-ewwel mill-iskejjel kollha ta’ Malta. 

L-istess għalliema kif rat hekk bagħtet għall-ġenituri tiegħi u qaltilhom li tħossha li tkun qed tonqos hekk ma tinfurmahomx bil-potenzjal tiegħi. 

Hi tathom id-dettalji ta’ club u coach biex inkun nis­ta’ nittrenja wara l-ħin tal-iskola. Il-ġenituri tiegħi milll-ewwel ikkuntattjaw lill-coach u bdejt nittrenja dik il-ġimgħa stess. 

Min kien dak il-persuna li ispirak biex tagħżel l-atletika?

Bla dubju, li kieku ma kinitx din l-għalliema li nfurmat lill-ġenituri tiegħi, huma qatt ma kienu jkunu jafu bil-potenzjal tiegħi, u b’hekk jien qatt ma kont nibda nittrenja wara l-ħin tal-iskola. 

Ma rridx ninsa wkoll l-ewwel coach li kelli. Kie­net mara dedikata ħafna u bis-saħħa tagħha bdejt nieħu l-affarijiet iktar bis- serjetá. Aktar u aktar meta bdejt nara titjib u bdejt innaqqas il-ħinijiet personali tiegħi f’kull kompetizzjoni. 

Kienet possibli li nerġa’ nkompli minn fejn ħallejt sentejn ilu bis-saħħa tas- sapport li għandi mingħand il-coach preżenti, Ra­chid Chouhal. 

Liema unuri prinċipali irnexxielek tikseb fil-karriera tiegħek?

Irrapreżentajt lil Malta tliet darbiet fil-European Kids Athletic Games, fejn fl-2013 irbaht midalja tad- deheb fit-tigrija tat-300m. 

Irraprezentajt lil Malta darbtejn fil-FISEC Games, fejn fl-2015 irbaħt midalja tad-deheb fit-tiġrija tal-400m u midalja tal-bronż fil-4x100m Relay. 

Fl-2016 kelli l-opportunitá li nirrapreżenta lil Malta f’Georgia, fil-European Youth Championships u ġewwa s-Samoa Islands fil-Youth Common­­­­wealth Games fejn wasalt sas-semi-finali tat-tellieqa tal-200m. 

Fl-2016 kont l-iżgħar atleta li kkwalifikajt għall- kompetizzjoni taċ-Cham­pionships of Small States li saru f’Malta fejn ġrejt l- 400m u s-Swedish Relay. 

Fl-2012, fl-2014, u fl-2016 kont magħżula bħala l-Atleta tas-Sena fil-kateogriji rispettivi u fl-2017 kont waħda mil-finalisti tal-IsportMalta Awards – Għaż­liet Sportivi Nazzjonali. 

Liema kien l-aħjar ħin tie­għek s’issa?

L-aħjar ħinijiet tiegħi jmorru lura għall-2016 – 57.9s fil-400m u 25.54s fil-200m. Dan għaliex fis-sena 2018 kelli nieħu break mill-atletika u nsiefer barra minn Malta bħala parti mill-kors fil-karriera tiegħi.

Kemm temmen li l-media tagħtikom biżżejjed pubbliċità u exposure jew dan isir waqt kompetizzjonijiet importanti bħal ma huma l-Logħob tal-Pajjiżi ż- Żgħar? 

Fl-opinjoni tiegħi meta tikkumpara l-ammont ta’ aħbarijiet fuq il-football ta’ kuljum, żgur li ma tagħtix biżżejjed pubbliċitá lill-atletika. 

Dan għalkemm dan l-aħħar qed ikun hemm titjib kbir, speċjalment meta jintrebħu l-midalji jew jinkisru xi rekords.

Għandek xi ħolma li tixtieq tikseb fl-atletika?

Wara sentejn wieqfa mill-atletika għax kont qed ngħix barra minn Malta, biex ikolli x-xogħol li dej­jem xtaqt, issa li rritornajt għat-taħriġ b’saħħti, nin­sab ferħana ħafna. 

Nixtieq ukoll li bil-mod il-mod nerġa’ nibda nersaq lejn il-ħinijiet li kelli qabel u nerġa’ nkun parti mit-team nazzjonali. 

X’sagrifiċċji u impenji oħra jitlob l-isport li int tipprattika? 

Bħal kull sport ieħor, l-atletika tirrikjedi ħafna ħin ta’ taħriġ. Jien naħdem kif ukoll nittrenja mit- Tnejn sal-Ġimgha. Xi drabi s-Sibt nittrenja wkoll kemm-il darba ma tkunx il-ġurnata tal-kompetizzjoni fit-trakka tal-Marsa. 

It-time management fil-ħajja tiegħi huwa importanti ħafna biex jirnexxieli nlaħħaq ma’ kollox.

Il-familja tiegħi kif ukoll il-coach, Rachid Chouhal jissapportjawni ħafni biex dan ikun possibbli. Biex tittrenja kważi l-ġimgħa kollha, trid toqgħod lura minn ħafna affarijiet bħall-ħruġ u divertiment u għalhekk xi drabi tkun trid tagħmel ħafna sagrifiċċji biex timxi ‘l quddiem. Peró,  minn ta’ etá żgħira, l-isport kien dejjem ta’ prijoritá f’ħajti. 

Għalkemm l-atleti li tikkompeti magħhom huma wkoll ħbieb tiegħek, nin­sab persważ li jidħol ukoll ċertu sens ta’ kompetizzjoni fejn wieħed ikun irid jikseb ħin aħjar mill-ieħor. X’inhuma l-kummenti tie­għek?

Huwa sabiħ immens meta jkollok ħbieb atleti għaliex nifhmu ħafna lil xulxin speċjalment is-sagrifiċċji li ngħaddu minnhom.

Xi drabi jkun hemm żmien meta anke nittrenjaw flimkien u ngħinu lil xulxin. 

Peró, imbagħad bis-saħ­ħa tal-kompetizzjoni, sa­ħan­sitra ma’ sħabek stess jirnexxielek tikseb ħinijiet aħjar. 

X’kompetizzjonijiet prin­ċipali se tieħu sehem fihom fil-futur qrib? 

S’issa f’moħħi għandi biss li nġib lura l-eperjenza u nieħu pjaċir u nitgħallem waqt il-kompetizzjonijiet u għalhekk se nipprova nie­ħu sehem f’kull kompetizzjoni lokali li se jkun hawn. 

Tista’ tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li qegħdin jaħsbuha bis- serjetà li jibdew jipprattikaw l-atletika?

Jien nemmen li l-atletika mhijiex biss sport fejn tiġri, taqbeż, jew titfa’ t-throws.

L-atletika tgħallmek ħafna valuri bħal dixxiplina, impenn, reżiljenza u rispett lejk innifsek u lejn ħaddiehor. 

Barra minn hekk titgħallem ħafna kif tqassam ix-xoghol biex tlaħħaq ma’ kollox għax tkun trid issib il-ħin. 

Mill-esperjenza tiegħi, jien għamilt 10 snin sħaħ nattendi dejjem regolari u qatt ma naf li waqaft għal xi perjodu speċjalment meta kont għaddejja bl- eżamijiet għax kont naf inqassam il-ħin sewwa, u nirsisti fl-istudju biex inkun nista’ nittrenja. 

Inħeġġeġ lil kulħadd li qatt m’hu tard wisq biex tibda tipprattika l-atletika, u ladarba tibda … ma tkun trid tieqaf qatt … għax jimlik b’sodisfazzjon kbir!

Ekonomija

Sport