Friday, April 19, 2024

Il-President Franċiż iwissi li beħsiebu jagħmel il-ħajja diffiċli għal dawk mhux imlaqqma

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-President Franċiż Emmanuel Macron wissa li “beħsiebu jagħmel il-ħajja diffiċli” għal dawk fi Franza li ma ġewx imlaqqma kontra l-Covid-19. Huwa qal dan f’intervista mal-gazzetta Franċiża Le Parisien. 

L-avversarji politiċi tiegħu iżda qalu li l-lingwaġġ qawwi li uża f’din l-intervista ma kienx denju ta’ President. Il-kummenti tiegħu waslu hekk kif l-abbozz ta’ liġi dwar il-Covid passes ittardja mill-membri tal-oppożizzjoni li ngħaqdu kontra l-Gvern.

Id-dibattitu fil-parlament dwar l-abbozz, li jwaqqaf lil dawk mhux imlaqqma minn ħafna mill-ħajja pubblika, twaqqaf milli jkompli wara nofsillejl. 

Il-leġiżlazzjoni kienet mistennija li tiġi approvata b’votazzjoni din il-ġimgħa, iżda rrabbjat lil dawk kontra t-tilqim u diversi Membri Parlamentari Franċiżi li qalu li rċevew theddid ta’ mewt minħabba din il-kwistjoni. 

Fl-intervista tiegħu li saret nhar it-Tlieta li għadda, Marcron qal li filwaqt li mhux se jġiegħel lin-nies jitlaqqmu bil-forza, huwa jittama li jinkoraġġixxi lin-nies jagħmlu dan billi “jillimita kemm jista’ jkun l-aċċess tagħhom għal attivitajiet fil-ħajja soċjali.” 

“Mhux se nibgħat nies mhux imlaqqma l-ħabs. Għalhekk irridu ngħidulhom, li mill-15 ta’ Jannar ma tkunx tista’ tibqa’ tmur ir-restorant, tieħu kafè jew tmur it-teatru jew fi swali taċ-ċinema,” qal Macron. 

Franza għandha waħda mill-aktar rati għoljin ta’ vaċċinazzjoni fl-Unjoni Ewropea, b’aktar minn 90% tal-popolazzjoni adulta tlaqqmu biż-żewġ dożi. Għal xhur sħaħ, fi Franza, in-nies kienu mitluba biex juru prova tat-tilqim jew test negattiv tal-Covid biex jaċċessaw għadd ta’ postijiet pubbliċi. 

Iżda l-Gvern Franċiż irid ineħħi l-għażla tat-test negattiv bi tweġiba għal żidiet rekord fl-infezzjonijiet, ikkawżati prinċipalment mill-varjanti Omicron u Delta. 

Matul il-jum tat-Tlieta, il-pajjiż irrapporta 271,686 każ ġdid ta’ Covid-19, l-ogħla numru ta’ każi rreġistrati f’ġurnata waħda fi Franza minn meta faqqgħet il-pandemija.

Il-President Macron għad irid jiddikjara formalment li se jikkontesta għat-tieni mandat fl-elezzjonijiet presidenzjali ta’ April li ġej, iżda fl-intervista qal li huwa ried u se jiċċara d-deċiżjoni tiegħu “ladarba s-sitwazzjoni tas-saħħa tippermetti dan.” 

Sport