Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
Jien minn dejjem kont inħobb nara u nipparteċipa f’diversi sports u minn mindu kont żgħir dejjem kont parti minn xi nursery tal-futbol. Wara li għalaqt 19-il sena u ma komplejtx futbol, qbadt noħroġ niġri biex dejjem inżomm ruħi attiv u minn hemmhekk bdiet l-imħabba lejn l- atletika. L-atletika kienet tgħinni ħafna meta kont immur nilgħab xi logħob tal- futbol mal-ħbieb.
X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?
Fil-karriera tal-isport ma rbaħt xejn maġġuri, ħlief xi tournaments żgħar tal-futbol li jkunu organizzati minn xi għaqda.
Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?
F’Malta nara li għandna livell tal-atletika għoli meta tqis ir-riżorsi limitati li għandna. Meta tibda tħares lejn il-ħinijiet li jġibu l-atleti waqt ġirjiet, nibda ngħid min jaf kieku għandhom iżjed ħin biex jittrenjaw, kemm jistgħu jitjiebu iżjed dawn.
U dak tar riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?
Tkompli mal-mistoqsija ta’ qabel. Ir-riżorsi huma limitati ħafna ġo Malta. Jekk nieħdu eżempju mit-trakki tal-atletika li għandna Malta, vera limitati. Aħna m’għandniex bħall-pajjiżi barranin fejn f’ħafna postijiet issib masġar enormi fejn tista’ tiġri għall-arja friska! Ħafna mid-drabi nkunu qed niġru ġo xi triq prinċipali bil-karozzi għaddejjiin minn ħdejk u arja mhux nadifa. Kompetizzjonijiet ikun hemm ħafna fl-atletika … kważi kull ġimgħa tista’ ssib kompetizzjoni differenti apparti fix-xhur tas-sajf.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?
Nara l-futur tiegħi wieħed pożittiv ħafna għax għalkemm ilni fuq għaxar snin niġri, dawn l-aħħar sitt xhur bdejt nieħu l-atletika bis-serjetá u nittrenja kif suppost u vera għamilt qabża kbira fil- prestazzjoni tiegħi. Fil-bidu ma kontx nemmen li nista’ nasal sa fejn qiegħed bħalissa u naf żgur li fadal iżjed. Dawn l-aħħar sitt xhur dħalt nifforma parti minn klabb tal-ġiri, Sirens Running Club, li ġie ffurmat fis-sena 2023 taħt il-gwida tal-kowċ, Brian Casingena. Brian huwa ta’ ispirazzjoni kbira għalija u apparti li huwa wieħed mill-aqwa atleti ta’ Malta, meta nara s-sagrifiċċju u l-impenn li jagħmel biex inkun nista’ ntejjeb il-prestazzjoni tiegħi, jagħtini ispirazzjoni kbira.
Bis-saħħa tal-kowċ Brian u ħuti Ramon u Marco li jipprattikaw l-atletika miegħi, nemmen li għandi futur sabiħ ħafna quddiemi u minn hawn nixtieq nirringrazzjahom talli giegħluni nemmen fija nnifsi u nawguralhom suċċessi kbar.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.
L-atletika huwa sport vera sabiħ għax għandu ċerti vantaġġi bħal pereżempju li tista’ tittrenja f’liem ħin huwa l-iżjed konvenjenti għalik, iżommok attiv ħafna u kull ġimgħa (apparti fis-sajf) ikun hemm kompetizzjoni fejn tista’ tara kif tkun qiegħed. Importanti ħafna li biex tikseb suċċessi fl-atletika tifhem li l-atletika trid taħdem ħafna u mhux ġiri biss, imma trid iżżid ħafna eżerċizzju biex jgħinek tiġri aħjar. Peró, nista’ ngħid li l-atletika tagħtik sodisfazzjon kbir speċjalment meta minn kompetizzjoni għall-oħra tibda ttejjeb l-aħjar ħin tiegħek u tibda tersaq viċin xi premju.