Friday, December 27, 2024

L-att ta’ Delia hu attentat biex ixejjen ix-xogħol siewi tagħna” – SHCM

Aqra wkoll

B’referenza għar-rappurtaġġ fil-midja dwar r-rapport tal-proġetti li ġie ppreżentat fil-qorti minn Steward Health Care Malta (SHCM) bħala parti mill-proċeduri istitwiti minn Dr Adrian Delia, SHCM tiddikjara li l-imsemmi rapport għandu jiġi evalwat fl-intier tiegħu u mhux fuq bażi selettiva kif sar. L-att deliberat ta’ Dr Delia li jħalli barra proġetti ewlenin u investimenti li saru fl-aħħar snin fit-tliet sptarijiet huwa attentat biex ixejjen ix-xogħol siewi tat-tim ta’ SHCM u l-istakeholders tagħha.

Ir-rapport ġie ppreżentat fil-qorti biex juri l-ammont sinifikanti ta’ xogħol u bosta miljuni investiti minn SHCM sabiex itejjeb s-servizzi, l-infrastruttura u t-tagħmir fl-isptarijiet. SHCM temmen li kemm il-proġetti kbar, sinifikanti u aktar viżibbli deskritti hawn taħt kif ukoll l-hekk imsejħa proġetti “iżgħar” li għażel li jikkwota Dr Delia huma importanti fl-operat ta’ sptar. Id-dettalji sħaħ tar-rapport jinsabu fis-sottomissjonijiet tal-qorti magħmula nhar it-Tnejn minn SHCM. Għandu jiġi nnutat li dan ir-rapport tal-proġetti jirrifletti biss xogħlijiet fuq it-tlett siti u jeskludi kapital ieħor u nefqa operattiva ta’ kuljum li ukoll huma fir-responsabbiltà ta’ SHCM.

Proġetti ewlenin li tħallew barra mill-eks kap tal-Oppożizzjoni:

Il-kampus tal-Isptar Ġeneral t’Għawdex 

  • Skola Medika ta’ Barts and the London School of Medicine (QMUL), deskritta bħala state-of-the-art, kompluta b’Ċentru ta’ Anatomija anċillari.
  • Rinnovar u titjib tad-dipartiment tal-Emerġenza, dipartiment tal-Outpatients inkluż klinika dentali ġdida, laboratorju ġdid kif ukoll Ward Ortopediku ġdid.
  • Upgrades tekniċi u ta’ inġinerija bħall-klimatizzazzjoni awtomatika tas-sala tal-operazzjonijiet u infrastruttura ġdida ta’ gassijiet mediċi li tinkludi tibdil tal-impjant prinċipali tal-vacuum, impjant tal-arja medika kif ukoll l-impjant ewlieni tal-ossiġnu li issa jipprovdi lill-isptar bi provvista awtonoma u kontinwa ta’ ossiġnu għal perjodu ta’ bejn erba’ u sitt ġimgħat. 

Il-kampus tal-Isptar Karin Grech Hospital (KGH) u l-Isptar San Luqa (SLH)

  • Upgrade tad-Dipartiment tal-Fiżjoterapija.
  • Rinnovar  tas-Stroke Unit.
  • Unit ġdid tal-Orthotics u l-Prosthetics (OPU).
  • Investiment fil-faċilitajiet tat-trasport ta’ l-isptarijiet permezz ta’ flotta ġdida ta’ vetturi inkluża emergency response car, coaches għat-trasport tal-pazjenti, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ servizz ta’ ambulanza bl-ajru 24/7 bejn Malta u Għawdex.

Investimenti relatati mal-COVID-19

  • L-espansjoni ta’ GGH b’120 sodda addizzjonali, inkluża l-possibbiltà li jiżdiedu sa 25 sodda għall-kura intensiva  , kompluti bis-setup tal-ventilaturi.
  • In-numru ta’ ventilaturi ġewwa GGH żdied b’25, grazzi għall-provvista internazzjonali ta’ Steward.
  • Sala ġdida f’Karin Grech b’żieda ta’ 28 sodda kompluta bi pressjoni negattiva u l-bidliet meħtieġa fl-arja.

Dawn il-kisbiet juru l-impenn kontinwu ta’ SHCM sabiex ittejjeb il-kwalità tas-servizzi tagħha għall-benefiċċju tal-pazjenti, l-impjegati u l-komunitajiet li taqdi. SHCM se tibqa’ ffokata li tipprovdi kura eċċezzjonali u sostenibbli.

Ekonomija

Sport